It-tigra involuta fl-inċident li ħalla tifel ta’ 3 snin f’kundizzjoni gravi kienet “perikoluża” tant li kien hemm persuna li beda jgħid lit-tfal biex ma jmorrux ħdejha. Dan filwaqt li t-tigra kienet barra mill-gaġġa, tinżamm b’żewġ ċineġ mill-ħaddiema ta’ Montekristo.
Netnews.com.mt jista’ jiżvela li ftit qabel seħħ l-inċident, persuna li aktarx hu impjegat tal-kumpless Montekristo, beda jidderieġi lit-tfal u lill-pubbliku milli jersqu lejn it-tigra. Xhieda li tkellmu ma’ dan is-sit qalu li dan ir-raġel beda jgħid lill-pubbliku: “Għaddu minn passaġġ ieħor, tgħaddux minn quddiem it-tigra.”
Dawn id-dettalji qed jiġu żvelati fid-dawl tal-inċident li seħħ ilbieraħ, meta tifel ta’ 3 snin spiċċa maħtuf minn tigra. Ilbieraħ, Netnews.com.mt żvela wkoll li kellu jkun grupp ta’ persuni li firdu lit-tigra minn mat-tifel.
Informazzjoni li għandu dan is-sit tgħid li minkejja li t-tigra kienet “perikoluża”, b’żewġ persuni jżommuha u persuna oħra tgħid lin-nies biex ma jersqux lejha, din inħarġet mill-gaġġa xorta waħda, allegatament, għar-ritratti.
Skont il-management ta’ Montekristo, l-inċident seħħ ilbieraħ meta t-tifel ta’ 3 snin “resaq lejn it-tigra”, li kienet bilqiegħda, u din dawwret idha mat-tifel bil-konsegwenza li laqtitlu wiċċu bid-dwiefer.
Persuni oħra li tkelmu ma’ Netnews.com.mt u li ġieli marru l-park tal-annimali f’Montekristo qalu li t-tigri u l-iljuni jgħixu fi spazju żgħir u mingħajr sigurtà, tant li faċilment jistgħu jogħlew u joħorġu idhom mill-gaġġeġ tagħhom.
Ritratt: Arkivji – Independent
//= $special ?>