Kikku – wieħed mill-uċuħ ta’ Earth Garden 2016

Din is-sena l-organizzaturi ta’ Earth Garden ħasbu wkoll biex dan il-festival ikun miftuħ għal dawk li magħhom jixtiequ jieħdu wkoll il-klieb. Kikku intagħżel bħala s-simbolu ta’ din l-inizjattiva li mistennija tintlaqa’ b’mod tajjeb.

Peter Paul Galea, sid kikku u wieħed mill-mużiċisti ta’ Tribali, kien il-persuna li adotta lil Kikku wara li dan instab abbandunat fit-triq, idur u jagħqad imbeżża’ mill-karozzi jduru miegħu.

Illum-il ġurnata Kikku u Peter Paul saru inseparabbli, bil-mużiċist jieħu lill-kelb għal ħafna mill-qattivitajiet fejn idoqqu Tribali. Jgħid li Kikku jħobb il-mużika tant li kull attivita’ mużikali li l-grupp ikollu, il-kelb dlonk tarah jintelaq mal-art qrib l-istrumenti tagħhom.

“Importanti li biex din l-inizjattiva tkun suċċess, kull min iġib l-annimal domestiku tiegħu għandu jara li dan ikun miżmum b’ċinga, u fuq kollox dak li jkun jara li jħalli nadif,” appella Peter Paul f’kummenti lil dan is-sit.

Earth Garden ikbar minn qatt qabel b’enfasi fuq kuxjenza favur l-ambjent

Mużika, kuluri imma wkoll kuxjenza favur l-ambjent. Bejn il-Ġimgħa 3 ta’ Ġunju u l-Ħadd 6 ta’ Ġunju l-Park nazzjonali ta’ Ta’ Qali mistenni jingħata libsa ġdida għall-għaxar edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Earth Garden.

Edizzjoni li mistennija tkun ikbar minn qatt qabel hekk kif l-organizzaturi ħasbu li din is-sena jintrama palk ieħor professjonali li se jilqa’ wħud mill-main acts matul dan il-festival.
Żorna l-aħħar preparamenti, fejn fost l-oħrajn l-organizzaturi qed iħejju la-rmar, li din is-sena sar bil-kooperazzjoni tal-kumpanija ta’ Ron Pe, li jieħdu sehem ukoll fil-Karnival ta’ Malta.

Iktar minn qatt qabel Earth Garden, rinomat bħala l-festival tal-paċi u l-mużika, se jservi ta’ edukazzjoni b’risq l-ambjent.

Mhux biss ħafna mit-tiżjin hu magħmul minn tappijiet tal-plastik riċiklati, imma wkoll dawk li jattendu se jkunu mħeġġa jużaw il-bins għall-iskart tagħhom, se jingħataw ashtray li wieħed jista jġorr miegħu biex fih jintremew l-fdalijiet tas-sigaretti, kif ukoll sapun organiku u jistgħu jixtru wkoll tazza biex jużawha matul it-tlett ijiem tal-festival.

F’pajjiżna se jinġiebu wkoll ġurnalisti barranin bl-għan li jiktbu dwar dan il-festival u eventwalment il-popolarità tiegħu tkompli tikber fuq livell internazzjonali.

Is-sena li għaddiet hu kkalkulat li dan il-festival attira folla ta’ 20,000 persuna, ħafna minn dawn barranin. Din is-sena, iż-żona tal-camping diġà hi sold out bil-festival joffri line up ta’ mużiċisti mill-aqwa fosthom Tribali, Mohammed Reza, Neville Staple, Tape Five, Nicky Bomba, il-Malta Ska Orchestra, Airtist, KazinSka, The Riffs u ħafna oħrajn.

Jose Herrera Visit Earth Garden-8