Lokali

Kollox lest għall-ikla għal min m’għandux f’Jum il-Milied

Għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, Caritas Malta f’Jum il-Milied, se tiftaħ il-bibien tagħha biex tilqa’ persuni li għal raġunijiet differenti, f’dan il-jum ikunu waħidhom, jew inkella oħrajn li, għax foqra, ma jistgħux jaffordjaw li jieklu bħal bosta oħrajn, dik ix-xi ħaġa speċjali f’dan il-jum partikolari.

F’kumment li ħadna dwar din l-inizjattiva, id-Direttur ta’ Caritas Malta Leonid McKay qalilna li kien sorpriż bir-rispons li wasal b’mod immedjat għal din l-inizjattiva.

“Nistqarr li peress li din hi l-ewwel darba li qed inniedu din l-inizjattiva, konna xi ftit xettiċi dwar is-suċċess tagħha. Imma hekk kif bdew ħerġin l-avviżi fuq il-mezzi tax-xandir, in-numru ta’ telefonati kien wieħed kbir tant li kellna nkabbru l-post fejn se jkunu qed jiltaqgħu u jieklu n-nies li ġejjin.”

Fil-fatt, issa, minflok fil-post imħabbar oriġinarjament, l-ikla għal dawn il-persuni se ssir f’sala kbira fil-bini ta’ Caritas Malta, f’numru 5, Triq l-Iljun, il-Furjana (biswit l-Argotti).

Bosta min-nies li se jattendu kienu riferuti minn NGOs li jaħdmu qrib persuni bi problemi soċjali. B’hekk l-organizzaturi aċċertaw ruħhom li l-persuni li se jattendu huma tassew persuni fil-bżonn kif kienet l-intenzjoni sa mill-bidu.

Id-Direttur ta’ Caritas Malta qalilna li kienu kuntenti u sorpriżi anki bl-ammont ta’ telefonati li waslu mingħand persuni individwali li offrew l-għajnuna tagħhom fil-ħin li jkun hemm in-nies miġbura, jiġifieri mill-10 ta’ filgħodu sat-3 ta’ waranofsinhar.

“Meta wieħed jikkunsidra li dak huwa l-ħin li normalment aħna l-Maltin inħobbu nkunu miġburin madwar mejda mal-familji tagħna, napprezzaw aktar il-ġenerożità u l-altruwiżmu ta’ persuni bħal dawn li se jiddedikaw dan il-ħin tant għażiż biex joffruh lil ħaddieħor li hu fil-bżonn iktar minnhom,” qalilna McKay.

Imma l-ġenerożità ma waqfitx hawn biss. Numru ta’ kumpaniji, hekk kif semgħu bl-inizjattiva, bdew iċemplu fl-uffiċċji ta’ Caritas Malta biex joffru b’xejn prodotti tagħhom biex jitqassmu lin-nies li se jattendu.

Fil-fatt, dalgħodu, numru ta’ voluntieri ta’ Caritas Malta mistennija jinġabru biex jgħinu fil-ġbir ta’ dawn il-prodotti ta’ ikel, u anki biex jgħinu fit-tiżjin tas-sala u preparamenti oħra biex kollox ikun organizzat għall-attività ta’ għada.

Biex kollox ikun faċli għall-persuni li jixtiequ jattendu, Caritas Malta qed taħseb ukoll biex torganizza trasport għal persuni li minħabba l-età jew raġunijiet oħra, ma jistgħux jużaw it-trasport pubbliku biex jaslu sal-Furjana.

Interessanti wkoll f’din l-inizjattiva hu l-fatt li l-ikel għal din l-okkażjoni se jkun ippreparat mir-residenti ta’ Caritas Malta stess li qegħdin jagħmlu programm fiċ-Ċentru għar-Riabilitazzjoni mid-Droga f’San Blas.

L-appell ta’ Caritas għal din l-attività kien biex dawk li jafu persuni foqra jew nies li l-Milied se jqattgħuh fis-solitudni, jikkuntattjawhom u jistaqsuhom iridux jingħaqdu ma’ persuni oħrajn bl-istess bżonnijiet f’ikla li Caritas Malta se tkun qed toffri bla ħlas proprju f’Jum il-Milied.

Dawn għadhom fil-ħin anki llum biex iċemplu bid-dettalji fuq in-numru 99122515.