Lokali

Kommossjoni mal-mewt ta’ żagħżugħ quddiem il-Higher

Aġġornata

Matthew Demicoli ta’ 17-il sena tilef ħajtu kmieni dalgħodu ħabta u sabta ftit wara li twassal għall-iskola.

Mill-investigazzjonijiet preliminari, il-ġuvni nstab mal-art fit-Telgħa tal-Għaqba n-Naxxar, ftit passi bogħod mill-Higher Secondary. Fuq il-post issejħet ambulanza, madanakollu l-ġuvni ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

Netnews.com.mt jinsab infurmat li l-ġuvni waqa’ u miet ftit wara li missieru wasslu għall-iskola.

Studenti tal-Higher li tkellmu ma’ Netnews.com qalu li ndunaw li kien “seħħ xi ħaġa” meta raw lis-Surmast tal-iskola ħiereġ jiġri ‘l barra mill-iskola għall-post fejn il-ġuvni miet. Aktar tard, l-istudenti kollha nġabru ġos-sala tal-iskola.

Dehru wkoll ħafna żgħażagħ “jibku”. Studenti li raw iż-żagħżugħ imut aktar tard ingħataw għajnuna mill-għalliema tal-psikoloġija.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, filwaqt li qed issir inkjesta Maġisterjali. Aktarx il-ġuvni miet mewta naturali.

naxxar

Ritratt: Il-post fejn il-ġuvni miet ħabta u sabta.