Lokali

Filmat: “Konferma li Joseph Muscat hu kompliċi ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri” – Simon Busuttil

“Mil-lum nistgħu ngħidu li Muscat mhuwiex biss kompliċi, iżda ostaġġ, ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri”. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil iddikkjara dan ftit tal-ħin ilu f’konferenza tal-aħbarijiet.

Simon Busuttil iddeskriva r-reshuffle tal-kabinett ta’ Joseph Muscat bħala “farsa” wara li l-Prim Ministru żamm lil Konrad Mizzi bħala Ministru u lil Keith Schembri bħala Chief of Staff.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista nnota li Joseph Muscat wera biss kemm mhuwiex kapaċi li jiddeċiedi, għax wara ħafna stennija, iddeċieda li ma jiddeċċidix. “B’dan kollu għandna konferma ta’ kemm Joseph Muscat huwa nvolut ukoll fl-iskandlu tal-Panama”.

Simon Busuttil għamel ukoll referenza għar-ritorn ta’ Manwel Mallia fil-kabinett bħala Ministru, bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jgħid li b’dan, il-Prim Ministru kompla jagħmel is-sitwazzjoni aktar redikola.

Dwar in-nomina ta’ Leo Brincat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Simon Busuttil qal li l-Gvern għandu jikkonsulta mal-Oppożizzjoni jekk irid l-appoġġ tal-Oppożizzjoni.

Filwaqt li rrefera għar-riżenja tar-raba’ Kummissarju tal-Pulizija mill-Elezzjoni Ġenerali ‘l hawn, Simon Busuttil reġa’ tenna l-ħtieġa li l-Pulizija tibda tinvestiga l-iskandlu tal-Panama u kull kuntratt u deċiżjoni li għaddew minn taħt idejn Konrad Mizzi f’dawn l-aħħar tlett snin.

Simon Busuttil temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ juża l-verita’ bħala l-arma tiegħu fl-impenn biex f’pajjiżna terġa’ tirrenja n-normalita’.