Konferma tad-daqqa qawwija li qalgħu taħt Joseph Muscat dawk bi dħul baxx

Iċ-Ċifri dwar il-faqar li ħarġu fl-aħħar jiem huma konferma ċara u tonda biċ-ċifri tal-Gvern stess dwar id-daqqa qawwija li qalgħu dawk bi dħul baxx kemm ilu fil-Gvern Joseph Muscat.

Fi stqarrija, il-PN qal li n-nies f’riskju ta’ faqar kemm ilu fil-Gvern Joseph Muscat żdiedu minn 15.7% jew ftit inqas minn 65,000 fl-2013 għal ftit inqas minn 68,700 jew 16.3%. Żieda ta’ kważi 3,700 persuna.

L-istatistika tidħol fid-dettall u turi li l-anzjani kienu fost l-iktar li batew id-daqqa tal-faqar mill-2013 ‘il hawn. Fil-fatt dawk li għandhom iktar minn 65 sena u li qegħdin f’riskju ta’ faqar żdiedu minn 14.9% jew ftit iktar minn 10,000 anzjan u anzjana għal 21% jew 15,576.

L-istqarrija tkompli li dan kien ikkonfermat fil-kategorija ta’ familji fejn hemm żewġ adulti b’wieħed jew waħda minnhom fuq il-65 sena. Fost din il-kategorija, ir-riskju ta’ faqar żdied bil-qawwi kemm ilu Prim Ministru Joseph Muscat, minn 19% għal 24.5% jew minn 7,644 għal 11,303 – żieda ta’ 3,659 persuna.

Dawk li għal xi raġuni jew oħra ma jistgħu jaħdmu full-time, in-numru tagħhom li jinsabu fir-riskju ta’ faqar żdied minn 65.2% għal kważi 70%. U anki fost dawk li jaħdmu iktar ħin. Ir-riskju tal-faqar żdied ukoll u hi konferma fl-istaġnar fil-pagi, u ż-żidiet miżeri li batew ħaddiema Maltin fl-aħħar tliet snin.

F’dawn l-aħħar tliet snin, il-persuni qiegħda li jinsabu f’riskju ta’ faqar qabeż in-nofs, minn 49.6% għal 55.7%, filwaqt li fost dawk li ma jistgħux jaħdmu żdied minn 22.2% għal 25.2% u fost dawk irtirati, żdied minn 14.3% għal 18.1%

L-Istqarrija ttemm li għandna konferma biċ-ċifri li ħareġ il-Gvern stess u li huma mkejla mid-dħul tal-ħaddiema u l-anzjani li Joseph Muscat żied il-faqar bl-eluf u ta daqqa qawwija lill-ħaddiema u lill-anzjani bil-pagi u pensjonijiet ibatu l-agħar żidiet fi 30 sena.

L-Istqarrija kienet iffirmata mix-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici, il-Kelliem għall-Familja, drittijiet tat-tfal, anzjani u persuni b’diżabilita’ Robert Cutajar u l-Kelliem għall-Housing u l-ġlieda kontra l-Faqar Stephen Spiteri.