Lokali

Konferma tal-indħil dirett u politiku fl-Awtorità tal-Ippjanar

Jekk qatt kien hemm bżonn konferma tal-indħil dirett u politiku li jeżisti fl-Awtorità tal-Ippjanar, din wasslet mill-istess Awtorità li f’kummenti ma’ The Times of Malta llum ikkonfermat li l-Awtorità ma kenitx involuta fil-mod ta’ kif l-Imrieħel iddaħħal fil-high rise buildings policy. L-ammissjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar hija prova ċara tal-indħil politiku ta’ Gvern li jimmanuvra minn wara dahar kulħadd, bil-moħbi – hekk stqarr il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija wara li din il-ġimgħa, l-Qorti rrifjutat mandat ta’ inibizzjoni li ġie ppreżentat minn għaqdiet ambjentali kontra l-Awtorita’ tal-Ippjanar wara applikazzjoni minn Tumas u Gasan għal żvilupp ta’ torrijiet ta’ erba’ sulari fl-Imrieħel.

Il-Partit Nazzjonalista stqarr li l-ammissjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar toħroġ fil-beraħ l-ipokrezija ta’ Joseph Muscat u Deborah Schembri, li filwaqt li jitkellmu dwar indipendenza u trasparenza, jimmanuvraw bil-moħbi – saħansitra anke wara li jkun għalaq proċess ta’ konsultazzjoni.

Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus stqarr li d-deċiżjoni tal-Gvern dwar l-Imrieħel hija eżempju ċar tal-ebusija tar-ras ta’ Joseph Muscat, li mhux talli ma jismax, iżda talli jagħmel kompletament bil-kontra. Jekk irid jibda’ jittieħed b’nitfa’ serjetà, Muscat għandu jieqaf iwebbes rasu u jerġa’ jiftaħ il-proċess għal konsultazzjoni pubblika.

L-Imrieħel ma kienx inkluż bħala żona li jista’ jiġi żviluppat b’bini għoli meta ġiet ippublikata l-Floor-to-Area ratio policy, iżda wara ġiet inkluża fl-aħħar verżjoni. Wara l-publikazzjoni tal-verżjoni finali, l-ambjentalisti qalu li kien hemm ksur tal-liġi Ewropea u sussegwentament l-liġi Maltija – dan minħabba li l-ambjentalisti ma kellhomx l-opportunita’ li joġġezzjonaw għall-iżvilupp f’din iż-żona. Huma stqarru li din l-azzjoni kisret il-Konvenzjoni Aarhus u d-direttiva tal-UE relevanti mas-suġġett, fejn d-direttiva tgħid li l-parteċipazzjoni pubblika trid issir fi żmien raġonevoli għall-fażijiet differenti, fejn il-pubbliku jkun jista’ jinforma ruħu u jiprpepara u jipparteċipa fid-deċiżjoni ambjentali.

Fid-deċiżjoni, il-Qorti kkwotat lill-Awtorita’ tal-Ippjanar fejn qalet li fl-inklużjoni tal-Mrieħel fil-lista li jista’ jiġi żviluppat bini għoli, l-awtorita’ stess qatt ma kienet involuta, hekk kif id-dokument sar u ġie approvat mill-Minsitru kkonċernat kif tipprovdi l-liġi.

L-Awtorita’ tal-Ippjanar hi entita’ awtonoma li tieħu deċiżjonijiet indipendentament mill-Gvern. Minkejja dan, l-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp jipprovdi li wara li l-Awtorita’ tal-Ippjanar trid tgħaddi l-policy lill-Gvern wara konsultazzjoni pubblika u qabel tiġi ffinalizzata. Wara l-Gvern jista’ jipproponi tibdil, li jingħaddew lura għand l-Awtorita’ tal-Ippjanar.

F’dan l-episodju, l-Gvern bagħat tliet tibdiliet dwar il-Foor-to-Area Ratio policy, fejn waħda minnhom kienet propju biex tiżdied l-Imrieħel  fil-lista’ taż-żoni sabeix jiġi żviluppat bini twil fihom.