Lokali Parlament

Konrad Mizzi jippreżenta l-istess dikjarazzjoni tal-assi bħal ta’ Ministru

Il-Ministru Konrad Mizzi u responsabbli mill-energija, li lbieraħ inżamm fil-Kabinett tal-Gvern mill-Prim Ministru Muscat minkejja l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama, dalgħodu ppreżenta d-dikjarazzjoni tal-Assi lill-Parlament.

Dan wara li nhar l-Erbgħa, il-Prim Ministru kien diġa ppreżenta d-dikjarazzjoni tal-Assi tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari fil-Kabinett tiegħu.

Fid-dikjarazzjoni tal-Assi, il-Ministru Konrad Mizzi niżżel il-kumpanija reġistrata fil-Panama, Hearnville Inc, u r-Rotura Trust li għandu fi New Zealand.
Id-dikjarazzjoni tiegħu tinkludi self minn bank ta’ €322,167, depożiti f’banek ta’ €389,440 u 4,000 ishma fl-MIA.

Inkluda wkoll id-dar b’garaxx f’Londra, u appartament f’Tas-Sliema mingħajr ma ta dettalji dwarhom, u dwar kif inkisbu u kif qed jintużaw, kif għamlu maġġoranza kbira tal-membri parlamentari fid-dikjarazzjonijiet tagħhom.