Lokali

Konrad Mizzi se jtellaq waħdu għal Deputat Mexxej

Kif kien mistenni, isem il-Ministru Konrad Mizzi se jkun l-uniku wieħed imniżżel fil-polza tal-vot minfejn id-Delegati Laburisti se jkunu jistgħu jagħżlu d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit.

Biex dan ikun possibbli, anke biex isseħħ ix-xewqa tiegħu stess, il-Mexxej Laburista Joseph Muscat ippreżenta tibdil fl-Istatut tal-Partit Laburista ħalli din il-kariga issa tista’ timtela’ minn Membru Parlamentari.

Biex dan iseħħ, issejħet Laqgħa Ġenerali Straordinarja l-Ġimgħa li għadda, li għaliha attendew ħafna anqas nies minn dawk li stenniet it-tmexxija Laburista (ritratt xellug). Minn dawk preżenti, kien wieħed biss li vvota kontra l-proposti mressqa mill-Mexxej Laburista.

Iż-żmien tan-nomini għalaq fit-8pm, bil-Ministru tal-Enerġija se jispiċċa jtellaq waħdu għall-elezzjoni interna li se ssir fil-25 ta’ Frar li ġej. L-għażla ta’ Konrad Mizzi bħala l-id il-leminija ta’ Muscat ilha tinħass ġejja, hekk kif kien il-magħżul tal-Mexxej Laburista biex jakkumpanjah fl-isfida bi tfigħ ta’ ilma kiesaħ, li żewġt isjuf ilu ħakmet is-Sajf madwar id-dinja (ritratt fuq).

Barra minhekk, kienu diversi d-drabi li Muscat għażel lil Konrad Mizzi biex jakkumpanjah f’xi safra, anke jekk possibbilment f’dik is-safra ma kienx se jiġi trattat il-portafoll immexxi minn Mizzi. Dan kollu seta’ kompla jaqta’ qalb kontestanti oħrajn li xtaqu joħorġu.

Il-ħidma minn wara l-kwinti mit-tmexxija Laburista ħadmet bizzilla, hekk kif in-nomina ta’ Konrad Mizzi, ippreżentata s-Sibt li għadda, kienet mimlija minn attivista Laburista f’Għawdex u ssekondata minn Owen Bonnici, li kien qed jissemma’ li jista’ jkun interessat għal din il-kariga.

Dan kollu wassal biex ġimgħatejn oħra, Konrad Mizzi se jkun qed itellaq waħdu għall-kariga ta’ Deputat Mexxej responsabbli mill-grassroots tal-Partit Laburista.