Lokali

“Konrad Mizzi u Keith Schembri għandhom iparpru ‘l hemm” – AD

“Konrad Mizzi u Keith Schembri għandhom iparpru ‘l hemm għax l-imġieba tagħhom hija totalment inaċċettabbli” tennet l-Alternattiva Demokratika fi stqarrija li fiha qalet li qed tappoġġja bis-sħiħ il-protesta tas-Soċjetà Ċivili.

Il-protesta se ssir GĦADA filgħodu fil-Belt Valletta u qed tkun organizzata mis-Soċjetà Ċivili. Waqt il-protesta, se jkunu qed jintalbu r-riżenji tal-Ministru bla Portafoll Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff fl-Uffiċju tal-Prim Ministru, Keith Schembri.

Fl-istqarrija, ċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola qal li f’Malta hemm bżonn politiċi li jaġixxu b’mod etiku u bl-aktar mod trasparenti.

“Keith Schembri qed jilgħabha tal-mumja muta u Konrad Mizzi ħeba l-kumpanija, gideb lin-nies u tmejjel bil-Maltin kollha” sostna Arnold Cassola, li żied li d-dettalji kollha tal-ftehim u l-kuntratti li kien involut fihom inżammu misturin mill-Maltin kollha.

“M’aħniex aktar ngħixu fil-Medju Evu meta l-baruni fewdali kien jagħmel li jrid” temm jgħid Arnold Cassola f’isem l-Alternattiva Demokratika.