Internazzjonali

Konservattiv imexxi l-Assemblea li teleġġi lill-Mexxej Suprem tal-Iran

Reliġjuż Iżlamiku konservattiv kien elett biex imexxi l-Assemblea tal-Esperti, fl-Iran, li tagħżel lill-Mexxej Suprem ta’ dan il-pajjiż fundamentalista.

L-Ayatollah Ahmad Jannati, li għandu 90 sena, kien fost il-ftit konservattivi li, fi Frar, reġgħu kienu eletti fl-Assemblea ta’ Tehran li tiġbor flimkien lir-reliġjużi influwenti.

Filwaqt li r-riformisti u l-moderati fl-Iran talbu lis-sostenituri tagħhom biex jivvutaw ‘tattikament’ u jevitaw li ħafna konservattivi jżommu s-siġġu, l-elezzjoni tal-Ayatollah Jannati qed turi li l-konservattivi għadhom f’kontroll tal-Assemblea.

Il-mod kif inhi magħmula din l-Assemblea influwenti jitqies bħala sinifikanti, meta l-Ayatollah Ali Khamenei, il-Mexxej Suprem tal-Iran li għandu 77 sena, fl-aħħar żminijiet kien qed ibati bi problemi tas-saħħa.

Il-Mexxej Suprem tal-Iran hu l-ogħla uffiċjal fil-pajjiż u l-kelma tiegħu dwar kull aspett politiku hi finali. Hu minnu wkoll li Jannati hu kritiku tal-President tal-Iran, Hassan Rouhani, li għandu reputazzjoni bħala moderat. Dan meta Jannati ma jaqbilx max-xewqa ta’ Rouhani biex l-Iran jinfetaħ għal aktar kummerċ u investiment, filwaqt li jkattar id-djalogu mal-Punent.