Lokali

Kritika qawwija minn Marlene Farrugia għall-Partit Laburista

L-eks-Deputata Laburista Marlene Farrugia tikkrititka lill-Partit Laburista bil-qawwi fuq prinċipju bażiku tad-demokrazija.

Il-bieraħ għalqu n-nomini għad-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, li għal din il-kariga kien hemm biss nomina waħda, dik ta’ Konrad Mizzi. Inqas minn 24 siegħa wara, Marlene Farrugia takkuża lill-Partit Laburista li qered id-demokrazija fi ħdanu, u li għalhekk ma jistax jikkonvinċi li jista’ jiggverna l-pajjiż b’mod demokratiku.

Din l-akkuża qawwija minn eks-Deputat Laburista saret fost kritika oħra li għamlet fuq post fis-sit tagħha fuq Facebook.

Marlene Farrugia kkritikat lill-Gvern Laburista fuq diversi fronti, fosthom in-nuqqas ta’ governanza tajba, il-kontroversja dwar il-ħatriet tal-maġistrati, il-prezzijiet għolja tal-fuels, il-ħabi tal-kuntratti mill-Gvern, il-power station u l-użu tal-heavy fuel oil, u l-mod kif il-Partit Laburista inganna lill-poplu meta ma tahx Gvern skont kif il-poplu vvota fl-aħħar elezzjoni.