Edukazzjoni

KSU jitlob kjarifika dwar id-dewmien fil-ħlas ta’ darba lill-istudenti

Il-Kunsill Studenti Universitarji esprima tħassib għal dewmien mill-Gvern fil-ħlas tal-għotja ta’ darba lill-istudenti.

Il-KSU qal li rċieva diversi lmenti minn studenti, jistaqsu meta se jingħataw il-ħlas dovut lilhom, li hu meħtieġ biex jixtru kotba u materjal ieħor akkademiku neċessarju għas-sena skolastika.

Il-KSU qal li skont is-Supplementary Grant Board Office, il-pagamenti qed jinħarġu f’lottijiet skont d-data ta’ meta l-istudenti applikaw bis-sistema l-ġdida fuq l-internet. L-istudenti sostnew li huma diżappuntati li s-sistema l-ġdida rriżultat li hi waħda iktar burokratika minn dik ta’ qabel, u li l-ħlas qed jieħu iktar żmien biex jasal.

Il-KSU ħeġġeġ lill-uffiċċju konċernat biex iħaffef kemm jista’ jkun il-proċess, iktar u iktar issa li bdew joqorbu l-eżamijiet tal-ewwel semestru u l-istudenti jeħtieġ li jixtru l-materjal akkademiku relevanti biex ikunu jistgħu jistudjaw.