Kulħadd għandu jgawdi mill-ekonomija – Simon Busuttil

L-ekonomija qegħda hemm għal kulħadd, biex tkun tista’ titgawda minn kulħadd. Ir-reazzjoni tal-imsieħba soċjali fl-MCESD għad-dokument ippreżentat mill-Partit Nazzjonalista bit-tema ‘Ekonomija għal Kulħadd’ kienet waħda pożittiva mmens, b’mod speċjali għall-fatt li l-Oppożizzjoni qed toħroġ bl-ideat. Il-fatt li l-Oppożizzjoni qed toħroġ bl-ideat dan qed jagħti sens ta’ ċertezza u kontinwità, biex in-nies ikunu jafu minn qabel x’se jagħmel Gvern Nazzjonalista ġdid.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt intervista fuq Radio 101 ftit tal-ħin ilu. Ftit jiem wara li l-Partit Nazzjonalista ħareġ b’sett ta’ proposti konkreti dwar kif l-ekonomija għandha tkun hemm għan-nies u mhux bil-kontra.

Huwa spjega kif il-Partit Nazzjonalista identifika l-ħames swaba tal-id ekonomika li għandha bżonn pajjiżna l-ekonomija tkun magna u li taħdem dejjem. Il-PN jemmen li l-ambjent ma jibqax aktar xi ħaġa kontra l-ekonomija imma jkun parti mis-suċċess ekonomiku tagħna. Huwa qal li għandu jkun hemm ugwaljanza u drittijiet u dinjità għal kulħadd; fejn is-soċjetà issir diġitali u nagħmlu x’nagħmlu fl-ekonomija, Għawdex jibqa’ dejjem integrat mal-ħidma ekonomika tagħna.

Simon Busuttil spjega l-kuntest ta’ dan id-dokument. fejn għamilha ċara li l-ewwel tir tiegħu kien li l-Partit Nazzjonalista jkun b’saħħtu bħala Partit u anke bħala Oppożizzjoni. Huwa qal li issa, jmiss il-pass biex il-PN ma jibqax biss Oppożizzjoni b’saħħitha u effettiva, iżda jkun wkoll il-vera Gvern alternattiv. Gvern alternattiv li jibqa’ jirbaħ r-rispett tan-nies.

Simon Busuttil qal li Joseph Muscat qiegħed iħalli għall-aħħar minuta biex joħroġ bl-ideat. Huwa qal li l-PN mhux bħal Joseph Muscat li fil-kampanja elettorali jħabbar li għandu roadmap u tliet snin wara, l-poplu għadu qed ifittex din ir-roadmap. Simon Busuttil qal li l-PN qed joħroġ b’ideat ċari u konkreti.

Mistoqsi dwar it-theddid tad-Deputat Laburista Joe Debono Grech fil-Parlament, Simon Busuttil qal li għandna Gvern li mhux kapaċi jaċċetta kritika.

Huwa sostna li jinsab diżappuntat ħafna bl-imġieba ta’ aggressività kbira fil-konfront tal-Oppożizzjoni fl-aħħar sentejn u nofs. Huwa qal li issa, mhux biss rajna l-aggressività fil-konfront tagħna imma anke fil-konfront ta’ Marlene Farrugia, wara li esprimiet veduti differenti mill-Gvern dwar l-ambjent, u wara li vvutat dwar dawn il-liġijiet mal-Oppożizzjoni. Id-Deputat Laburista Joe Debono Grech għajjarha mhux biss bil-kliem, imma anke bl-aġir, tant li kellhom iżommuh id-deputati Laburisti.

Wara li ġara dan il-każ, fuq talba tal-whip David Agius, l-Ispeaker ta ruling li kienet daqqa oħra to add insult to injury, għaliex poġġa liż-żewġ deputati fl-istess keffa. Dan ir-ruling tant kien xukkanti li l-Oppożizzjoni ħarġet ‘il barra mill-Kamra biex tispjega li dan hu ruling huwa inaċċettabbli għax hu nieqes minn kull sens bażiku ta’ ġustizzja.

Infatti Joe Debono Grech bagħat ittra ta’ apoloġija, u anke l-whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Godfrey Farrugia qal li ma jaqbilx mar-ruling tal-Ispeaker.

L-Oppożizzjoni lesta tikkopera mal-Gvern fuq is-sigurtà, basta tkun koperazzjoni ta’ vera, mhux biss paroli għall-pożi biss. Simon Busuttil qal li s-sigurtà hija kruċjali għalina u meta wieħed iħares lejn l-istorja ta’ pajjiżna, jara li l-Partit Nazzjonalista dejjem offra l-aqwa sigurtà għal pajjiżna. Hu spjega li meta f’pajjiżna kien hawn iż-żewġ summits f’pajjiżna, nkluż iċ-CHOGM, li huma okkażjonijiet li jżidu l-pressjoni ta’ sigurtà f’pajjiżna, l-Oppożizzjoni qablet mal-Gvern biex temporanjament idaħal ftit aktar kontrolli fl-ajruport tagħna.

Madanakollu, Simon Busuttil spjega kif hemm riskji oħrajn li l-Oppożizzjoni ma tistax taqbel mal-mod kif qed jagħmel il-Gvern. Huwa qal li eżempju ċar huma s-7,000 visa lil nies Alġerini f’sena u nofs biss. Dawn m’humiex ġejjin mill-Ewropa tant li qed isiru titjiriet apposta tal-Air Malta biex iġibu n-nies mill-Alġerija u ħadd ma jaf x’qed isir minnhom. Dwar dan l-iskandlu, bdew iqumu mistoqsijiet kif bdew jingħataw: fosthom kif infetaħ uffiċċju s-sena li għaddiet u f’daqqa waħda applikaw 15,000, kif b’kumbinazzjoni li l-websites jirreklamaw li tista’ tixtri l-visa għal Malta u kif b’kumbinazzjoni li l-persuna li tmexxi l-uffiċċju tiġi mill-Prim Ministru.

Dwar id-deċiżjoni tal-Gvern li se jżomm il-kontrolli fuq il-passaporti mal-Ewropa, Simon Busuttil qal li l-visas u l-permessi ta’ residenza mhux lill-Ewropej tahom, imma lil min mhux Ewropej. Hu attakka l-kontradizzjoni tal-Gvern li jrid iżżomm il-kontrolli mal-Ewropa minn fejn m’hemmx theddida, waqt li fejn hemm theddida, barra l-Ewropa, jiftaħ idejh u kulħadd dieħel bla raġuni.