Lokali

“Kull darba li l-Partit Laburista jkun fil-Gvern, jitpoġġew f’dubji d-drittijiet tal-bniedem” – Simon Busuttil

Waqt li kien intervistat fuq Rado 101, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li kull darba li l-Partit Laburista jkun fil-Gvern, jitpoġġew f’dubji d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Hu tkellem dwar il-każ taż-żewġ siġġijiet tal-Partit Nazzjonalista, fejn il-Partit Laburista qed jagħżel li jibqa’ jkaxkar saqajh minkejja li hu ċar li sar l-iżball fil-proċess tal-għadd tal-voti. “F’dan il-każ, Joseph Muscat qiegħed jikser id-dritt fundamentali tiegħek,” sostna Simon Busuttil.

Hu rrefera wkoll għall-iskandlu tal-ħruġ tal-voti lill-barranin li jixtru ċ-ċittadinanza Maltija bi ksur tal-Kostituzzjoni ta’ Malta. Qal li “Joseph Muscat mhux biss irid li jbabas ir-Reġistru Elettorali, iżda wkoll qed jimmina l-istituzzjonijiet. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-Kummissjoni Elettorali, minflok tiddefendi liċ-ċittadini, spiċċat tiddefendi lill-allat ta’ Kastilja,”

Sostna li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jżomm skrutinju biex jara li ma jkunx hemm abbużi fir-reġistru elettorali, u jekk ikun hemm, dawn jinkixfu.

Fl-intervista Simon Busuttil sostna wkoll li f’pajjiżna għandna liġi għall-allat ta’ Kastilja u liġi għall-annimali. Hu ta numru ta’ eżempji ta’ dan:

• sa issa għadha ma nfetħet ebda investigazzjoni – la mill-Pulizija u lanqas mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni – dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi li nqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama wara li daħlu fil-poter u li fihom riedu jpoġġu s-senserija.
• kif żvelat l-Assoċjazzjoni Medika Maltija lbieraħ, l-Ministri qegħdin jindaħlu fis-servizz tas-saħħa. “Mela int iddum tistenna u jħassrulek l-appuntament, u ħaddieħor jaqbżek għaliex imur għand il-Ministru,” qal Simon Busuttil.
• ittieħdu passi kontra impjegat tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni għaliex il-mara tiegħu, qabel iżżewġu, kienet involut f’kumpanija li ssemmiet fil-Panama Papers, iżda Keith Schembri u Konrad Mizzi baqgħu hemm minkejja li fetħu l-kumpaniji tagħhom huma stess u kemm ilhom fil-poter.
• filwaqt li Keith Schembri u Konrad Mizzi fetħu l-kumpaniji tagħhom fil-Panama, bħalissa, għexieren ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin qed iħallsu t-taxxi li huma dovuti lill-istat Malti
• filwaqt li n-nies f’Kastilja jitkellmu dwar il-miljuni, r-rapport tal-Caritas maħruġ ftit tal-jiem ilu jindika li min kien fil-faqar erba’ snin ilu, issa sar aktar fqir. Fost l-oħrajn, xirja bażika ta’ familji b’żewġt itfal żdiedet bi kważi €1,000, meta l-pagi ma żdiedux b’dan l-ammont.

Simon Busuttil qal ukoll li Joseph Muscat huwa kompliċi ma’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, u li bl-imġieba tiegħu qed iħammeġ il-politika.

Il-ħasra hi li Joseph Muscat qed iħammeġ il-politika. Jien qiegħed fil-politika mhux biex nitħammeġ, imma biex nagħti kontribut,” qal Simon Busuttil.

Hu sostna li Gvern ġdid jaqta’ linja kemm mill-amministrazzjonijiet Nazzjonalista, iżda ferm aktar mill-istil politiku ta’ dan il-Gvern Laburista. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-agħar ħaġa hi li Muscat mhux biss ħammeġ il-politika, iżda jinsulenta wkoll lill-poplu Malti u Għawdxi. Hu rrefera għad-diskors ta’ Muscat fil-konferenza dwar il-korruzzjoni f’Londra, kif ukoll għall-artiklu li kiteb aktar kmieni din il-ġimgħa, fejn qal li l-aqwa deċiżjoni li ħadet Malta kienet li tidħol fl-Unjoni Ewropea. Dan meta hu kkampanja bis-sħiħ kontra dan, tant li ddeskriva dan il-pass bħala s-salib tal-millenju.

Hu sostna li Gvern ġdid jaqta’ linja kemm mill-amministrazzjonijiet Nazzjonalista, iżda ferm aktar mill-istil politiku ta’ dan il-Gvern Laburista.