Lokali

Kumpanija sigrieta ta’ Keith Schembri fil-British Virgin Islands żiedet 50,000 ‘share’ xahrejn wara l-elezzjoni ġenerali

Kumpanija sigrieta taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, żiedet 49,999 ‘share’ xahrejn biss wara l-elezzjoni ġenerali tal-2013. Dan ġie żvelat fuq il-blog daphnecaruanagalizia.com.

Il-kumpanija ‘Colson Services Ltd’ twaqqfet minn Keith Schembri f’Jannar tal-2011 u sa’ xahrejn wara l-elezzjoni ġenerali kellha biss ‘share’ wieħed. Iżda xahrejn wara l-elezzjoni ġenerali, Keith Schembri żied ix-‘shares’ għal 50,000.

Il-kumpanija ‘Colson’ hija separata mill-kumpanija ‘Tillgate’ – waħda mit-tlett kumpaniji sigrieti li bdew jitwaqqfu fil-Panama ħamest ijiem wara l-elezzjoni ġenerali bl-għajnuna tal-kumpanija Nexia BT ta’ Brian Tonna u Karl Cini – tlett kumpaniji li jinkludu wkoll kumpanija sigrieta tal-Ministru Kornad Mizzi (Hearnville Inc. It-tielet kumpanija s’issa għadna ma nafux ta’ min hi).

‘Colson Limited’ twaqqfet fil-British Virgin Islands fl-2011, meta Keith Schembri kien diġa involut fil-politika, peress li kien qrib ħafna l-Mexxej Laburista Joseph Muscat u peress li kien imexxi t-tim strateġiku tal-Partit Laburista bi tħejjijja għall-elezzjoni ġenerali.

Iżda xahrejn wara l-elezzjoni ġenerali, Keith Schembri pprova jaħbi l-fatt li hu s-sid tal-kumpanija sigrieta ‘Colson’ tal-British Virgin Islands. Filfatt, kien fis-7 ta’ Mejju 2013, xahrejn wara l-elezzjoni, li, apparti li żied ix-shares għal 50,000, Keith Schembri ħeba l-fatt li hu s-sid ta’ din il-kumpanija.

Hu ħeba l-fatt li hu sid il-kumpanija ‘Colson’ billi qabbad lill-kumpanija ‘ATC’ tal-Panama biex taħtar direttur li jidher għall-kumpanija. ‘ATC’ tal-Panama hija kumpanija li taqa’ taħt Mossack Fonseca, u li l-għan tagħha hu li taħbi l-identitajiet tas-sidien veru tal-kumpaniji sigrieti.

Malli Keith Schembri għamel hekk, il-50,000 ‘share’ fil-kumpanija ‘Colson’ bdew jidhru f’isem dan id-direttur ġdid. Dan ma jfissirx li Keith Schembri tilef il-kontroll tal-kumpanija. Filfatt, Kieth Schembri kiteb lil Mossack Fonseca tal-British Virgin Islands biex jgħidilhom li hu kien se jibqa’ jkun responsabbli minn kull spejjeż tal-kumpanija sigrieta ‘Colson’.

Keith Schembri ta l-awtorità lil Brian Tonna u lil Karl Cini ta’ Nexia BT biex jaġixxu f’ismu

Iżda l-istorja ma tieqafx hemm. Is-sit daphnecaruanagalizia.com kompla jiżvela li f’Lulju tal-2013, Keith Schembri ħa lura l-kontroll tal-kumpanija sigrieta ‘Colson’ tal-British Virgin Islands.

Schembri għamel dan billi ta il-‘power of attorney’ lil Brian Tonna u lil Karl Cini ta’ Nexia BT. B’hekk, Keith Schembri tahom l-awtorità li jaġixxu f’ismu u b’hekk ħadu f’idejhom kontroll sħiħ tal-kumpanija sigrieta li fetaħ fil-British Virgin Islands. Meta persuna jingħata ‘power of attorney’, jkun awtorizzat li jagħmel numru ta’ affarijiet, fosthom jiftaħ kontijiet bankarji.