Internazzjonali

Kumplott tal-ISIS ‘biex jattakkaw’ partitarji Ingliżi waqt l-Euro 2016

It-terroristi tal-ISIS, allegatament, qegħdin jippjanaw biex jattakkaw partitarji Ingliżi li sejrin Franza biex jaraw il-benjamini tagħhom waqt il-finali tal-Euro 2016 li jibdew fl-10 ta’ Ġunju.

Informazzjoni li nstabet fuq laptop li kien qed juża s-suspettat terrorista Salah Abdeslam – li qed jinżamm fi Franza bħala membru tal-grupp tal-ISIS li, fit-13 ta’ Novembru, wettaq l-istraġi storika f’Pariġi – tindika li l-ISIS ‘iridu jużaw bombi għal attakki suwiċida’ fuq il-partitarji f’Marsilja. Jissemma wkoll pjan għal attakki fuq il-partitarji ‘permezz ta’ drones li jkunu qed iġorru l-armi kimiċi’.

Id-data tinkludi ritratti u kummenti dwar il-Port Antik ta’ Marsilja li għandha tkun ippakkjata bil-partitarji Ingliżi li se jassitu għall-ewwel logħba tal-Ingilterra, li jikkonfrontaw lir-Russja fil-11 ta’ Ġunju. F’din il-belt hemm zona uffiċjali għall-partitarji u s-sigurtà fl-inħawi mistennija tkun intensiva għall-aħħar.

L-Uffiċjali tas=sigurtà, illum, qed jinkwetaw dwar il-possibbiltà li Franza tintlaqat minn attakk simili għal ta’ Pariġi (f’Novembru tal-2013) fejn qattiela tal-ISIS kienu sparaw fuq in-nies fit-toroq waqt li attakkaw ċentru għall-kunċerti fil-qalba tal-kapitali Franċiża.

Sorsi tas-sigurtà fil-Belġju qalu li d-data fuq il-laptop tista’ tfisser biss ‘it-tfassil ta’ pjani għal attakki mill-ISIS) fuq partitarji Ingliżi u Russi qabel il-logħba tal-11 ta’ Ġunju’. Filwaqt li Abdeslam qed jinżamm taħt arrest, hemm numru ta’ membri tal-ISIS li huma daqstant ieħor fanatiċi u perikolużi u ħadd ma jista’ jeskludi xejn fiċ-ċirkustanzi.

Il-partitarji Ingliżi u Russi qed jissemmew bħala ‘mira ovvja tal-ISIS’ peress li l-qawwiet tal-ajru taż-żewġ pajjiżi qegħdin jibbumbardjaw lit-terroristi fl-Iraq u s-Sirja.

Il-laptop inkwistjoni kien inħataf waqt rejds tal-pulizija li saru f’Marzu u li kienu wasslu għall-arrest ta’ Abdeslam f’Molenbeek, sobborg ta’ Brussell, fil-Belġju. Anqas minn ġimgħa wara, numru ta’ ġiħadi kollegi (mal-ISIS) qatlu 32 persuna waqt attakki suwiċida kkoordinati fl-ajruport u l-metro ta’ Brussell.

Abdeslam, fil-fatt, hu l-uniku suspettat miżmum mill-pulizija li qed jissemma b’konnessjoni diretta mal-attakki terroristiċi ta’ Pariġi u Brussell.

L-indikazzjoni li l-ISIS jista’ għandu l-logħob tal-futbol tal-Euro 2016 fil-mira saret magħrufa ftit wara li kien iddikjarat stat ta’ allert għoli għall-festivals tal-mużika, iċ-ċentri għall-isport u n-nightclubs fi Franza. Fl-istess ħin, ma naqsitx is-sigurtà madwar il-plejers, membri tal-coaching staff u d-diriġenti tal-iskwadra nazzjonali tal-Ingilterra li qegħdin jippreparaw għat-tournament li jmiss taħt il-ħarsien ta’ gwardjani armati.