Lokali

Kundanna mill-komunità Musulmana f’Malta għall-attakki fil-Belġju

Il-komunità Musulmana f’Malta, Ahmadiyya, ikkundannat b’mod kategoriku l-attakki terroristiċi fi Brussell u nsistiet li l-umanità kollha kemm hi tinsab taħt theddida.

Filwaqt li esprimiet it-tama li dawk wara dawn l-attakki kiefra jaslu quddiem il-Ġustizzja, il-komunità Musulmana f’Malta qalet li l-vittmi innoċenti tal-attakki barbariċi, u qrabathom, jinsabu fit-talb tagħhom.

B’mod kollettiv, il-komunità ta’ Musulmani f’Malta qalet li l-membri tagħha jinsabu magħquda mal-poplu Belġjan u esprimew solidarjetà mal-Gvern u l-poplu tal-Belġju filwaqt li saħqu li huma kontra kull forma ta’ vjolenza, estremiżmu, tixrid ta’ demm u terroriżmu li, saħqu, sar fost l-ikbar theddidiet tal-lum għax hu mingħajr fruntieri u ma jħalliha lil ħadd inkluż lit-tfal, nisa u anzjani.

Il-komunità Musulmana saħqet li wasal iż-żmien li d-dinja kollha tingħaqad flimkien, irrispettivament mill-fidi, kulur, twemmin jew nazzjonalità, kontra atroċitajiet bħal dawn, b’miżuri konkreti, b’għerf u sforz kollettiv kontra din il-ġlieda kontra l-umanità.

Irreferiet ukoll għad-dikjarazzjoni tal-kap tal-komunitajiet Ahmadiyya Musulmani madwar id-dinja, il-Qdusija Tiegħu Hazrat Mirza Masroor Ahmad, nhar is-Sibt li għadda meta tkellem dwar il-ħtieġa kruċjali għall-paċi u kkundanna l-azzjonijiet tat-terroriżmu fit-13-il Simpożju Nazzjonali għall-Paċi fir-Renju Unit.