Internazzjonali

Kunsill Iżlamiku fil-Pakistan jipproponi trattament aktar restrittiv għan-nisa

Il-Kunsill tal-Ideoloġija Iżlamika li jagħti l-pariri lill-Gvern tal-Pakistan ippropona, permezz ta’ abbozz ġdid, li n-nisa jistgħu ‘jissawwtu għal numru ta’ raġunijiet’ li jvarjaw minn sitwazzjonijiet fejn huma jitkellmu b’leħen għoli ‘sal-punt fejn jisimgħuhom l-istranġieri’ sa sitwazzjonijiet fejn mara ma tilbisx il-hijab.

Proposta oħra tal-Kunsill, magħmul minn 20 membru u li hu entità kostituzzjonali tar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan, tipproponi biex raġel ‘isawwat lil martu b’mod ħafif’ jekk din ma tilbisx skont ix-xewqat tiegħu inkella jekk hi tirrifjuta relazzjonijiet sesswali miegħu. Intant, il-Kunsill jista’ biss jagħti pariri lill-Gvern Pakistani u mhux jattwa l-liġijiet.

Il-proposti huma biss parti mill-abbozz ‘għall-protezzjoni tan-nisa’ li ressaq dan il-Kunsill. L-istess entità kienet ċaħdet l-Att għall-Protezzjoni tan-Nisa kontra l-Vjolenza li kien ġej mill-provinċja tal-Punjab bħala miżura kontroversjali u abbozz ‘li mhux Iżlamiku’.

Intant, l-abbozz tal-Kunsill jargumenta li n-nisa jridu jkunu pprojbiti mill-kumbattimenti militari u lanqas ma jistgħu jilqgħu delegazzjonijiet minn barra. In-nisa Iżlamiċi fil-Pakistan, fl-istess ħin, ma jistgħux jidhru fir-reklami u, skont l-abbozz, jeħtieġu ‘l-kelma tar-raġel’ biex huma jsellfu l-flus lil xi ħadd.

Il-membri tal-Kunsill jesiġu wkoll biex l-infermieri nisa ma jieħdux ħsieb pazjenti rġiel u biex it-tfajliet u l-ġuvintur fil-Pakistan ma jattendux korsijiet edukattivi ‘flimkien’ wara s-snin tal-primarja.