Lokali

Kważi 5,000 karta falza tal-flus irtirati f’Malta fl-2015

Bejn Ġunju u Diċembru ġew irtirati 2,569 karta falza tal-ewro f’Malta biex matul is-sena li għaddiet, il-Bank Ċentrali ta’ Malta rtira 4,930 karta falza, l-iktar dawk ta’ €20 li ammontaw għal 41.9% tat-total tal-flus foloz maqbuda.

It-tieni l-iktar komuni kienu l-karti foloz tal-€10, fil-livell ta’ 31.6%, isegwu dawk ta’ €50, fil-livell ta’ 23.9%.

In-numru totali ta’ karti foloz tal-ewro maqbuda matul l-2015 hu żieda sostanzjali fuq l-1,497 karta falza maqbuda matul l-2014 u jinkludi l-1,075 karta falza maqbuda mill-Pulizija f’Mejju.

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta spjega li meta jitqabbel mal-għadd tal-karti tal-ewro ġenwini fiċ-ċirkolazzjoni f’Malta, il-proporzjon ta’ karti foloz għadu baxx ħafna. Hu wkoll fil-livell ta’ 0.58% tal-karti foloz tal-ewro maqbuda fiż-żona ewro.

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta kompla jwissi lill-pubbliku biex joqgħod attent hekk kif fakkar li l-karti ġenwini jintagħrfu faċilment mit-tatt u minn kif jidhru anke meta jxaqlibhom kontra d-dawl.