Lokali

“Kwistjoni ta’ sigurta'” – dawk li baqgħu barra għal party f’Għawdex se jingħataw flushom lura

Iż-żgħażagħ kollha li xtraw il-biljetti imma baqgħu barra minn party li sar ilbieraħ f’Għawdex se jingħataw flushom lura u se jkollhom ukoll l-opportunita’ li jattendu għal party ieħor mingħajr ħlas.

Ħabbru dan l-organizzaturi tal-party, Sound Salon, wara li matul il-lejl li għadda fix-Xlendi ħafna żgħażagħ ma tħallewx jidħlu għall-party ‘Carnival Matinee’ minkejja li kellhom il-biljetti.

Filwaqt li talbu skuża, l-organizzaturi fissru li  l-kwistjoni kienet waħda marbuta mas-saħħa u s-sigurta’ ta’ dawk kollha preżenti hekk kif mal-bieb inġemgħet folla ferm ikbar milli mistenni u l-post imtela’ malajr.