Lokali

L-aggressur kien diġa ħebb għall-Pulizija drabi oħra qabel

Ir-raġel li lbieraħ kien arrestat wara li agredixxa u weġġa’ Spettur tal-Pulizija għandu storja ta’ aggressjoni fil-konfront tal-Pulizija u diġa weħel probation minħabba aggressjoni fuq membru tal-Korp tal-Pulizija.

Skont il-President tal-Police Officers Union (POU) Sandro Camilleri, ir-raġel “diġa ħebb għall-Pulizija drabi oħra qabel”.

Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-11.30 ta’ filgħodu meta l-Ispettur Sergio Pisani u żewġ uffiċjali oħra waqqfu lir-raġel mar-roundabout magħrufa bħala Tas-Srina, fil-limiti tal-Imdina, allegatament minħabba li dan deher isawwat lil martu stess qrib stall tal-fjuri.

“L-aggressur m’għandu kondotta xejn sabiħa mid-dehra, u l-aħħar li nstab ħati kien peress li ħebb għall-Pulizija ieħor” qal Sandro Camilleri.

L-agressur għandu 50 sena u kien qed isuq karozza tat-tip BMW bi pjanċi barranin meta seħħ l-inċident li fih ħebb għall-Ispettur u fajjarlu daqqa ta’ ponn. Skont Camilleri mill-POU, l-Ispettur sofra ‘concussion’ minħabba d-daqqa ta’ ponn li qala’ f’għajnejh.

L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għaddejjin.