Lokali

L-aħħar żviluppi dwar l-iskandlu tal-visas mediċi diskussi waqt laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-PN

Fid-Dar Ċentrali tlaqqa’ l-grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista biex jiddiskuti l-aħħar żviluppi dwar l-iskandlu tal-visas mediċi, wara sensiela ta’ żviluppi ġodda li tefgħu dawl ġdid dwar dan l-iskandlu, li għandu rabta diretta ma’ Kastilja.

Il-laqgħa tal-grupp Parlamentari ssejjħet it-Tnejn mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil wara li nhar il-Ħadd li għadda qal li l-iskandlu tal-visas mediċi hu skandlu li juri rabta ġdida ma’ Kastilja.

Fl-iskandlu tal-visas mediċi, Neville Gafà, li hu persuna ta’ fiduċja tal-Prim Ministru Joseph Muscat, żamm għandu eluf kbar ta’ ewro minn applikazzjonijiet għall-visas mediċi li ma mmaterjalizzaw qatt.

Fl-aħħar jiem, il-media indipendenti kompliet tiżvela aktar dettalji dwar dan l-iskandlu. The Malta Independent, fost oħrajn, ippubblikat irċevuti li juru li Neville Gafà ġabar b’€35,000 fi ħlasijiet. L-istess gazzetta żvelat ukoll li l-Prim Ministru Joseph Muscat kien jaf bl-iskandlu ġimgħat sħaħ qabel il-każ għadda għand il-Pulizija mill-Ministru Chris Fearne.

It-Tnejn, il-Partit Nazzjonalista qal li fl-iskandlu tal-visas mediċi lil-Libjani, Muscat qed jitfixkel fil-gideb tiegħu stess. Dan hekk kif fi stqarrija waħda, Muscat irnexxielu jgiddeb lilu nnifsu darbtejn. L-ewwel qal li ma kien jaf b’xejn dwar dan l-iskandlu, imbagħad fis-sentenza ta’ wara, qal li kien jaf u li għadda l-affarijiet għand il-Pulizija. Dan meta ma’ The Malta Independent on Sunday, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li kien is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tas-Saħħa li għadda l-każ għand il-Pulizija – jiġifieri ma kienx il-Prim Ministru li għamel dan.

Il-laqgħa tal-grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista bdiet għall-ħabta tat-3 ta’ waranofsinhar u baqgħet għaddejja għal xi ħin, b’diversi Membri Parlamentari jitkellmu ma’ NETnews u jesprimu diżappunt għall-fatt li l-Prim Ministru Joseph Muscat għadu ma ħa l-ebda azzjoni dwar dan l-iskandlu.