Ekonomija Lokali

L-Air Malta għandha tibqa’ sservi l-interessi ta’ Malta u l-Maltin – l-MHRA

L-Air Malta għandha tibqa’ sservi l-interessi ta’ Malta u l-Maltin. Hekk qalet l-Assoċjazzjoni tar-Ristoranti u l-Lukandiera (MHRA) fi stqarrija, fejn innutat kif minkejja s-sehem tagħha fil-qasam turistiku, hi kienet biss infurmata b’mod verbali bil-Memorandum of Understanding dwar il-bejgħ tal-linja nazzjonali tal-ajru.

L-MHRA qalet li matul is-snin hi dejjem appellat dwar il-ħtieġa li l-Air Malta tibqa’ taħt il-kontroll strateġiku tal-Maltin. Dan hekk kif bħala gżira, hu importanti li l-linja tal-ajru tgħaqqad lil pajjiżna mal-kumplament tad-dinja. Għaldaqstant, nuqqas ta’ kontroll fl-Air Malta jista’ jħalli impatt sinifikanti fuq kif Malta tilħaq aktar turisti.

L-MHRA qalet li minn dejjem appellat għall-bidla fil-mudell kummerċjali tal-Air Malta. Filwaqt li fakkret fl-investiment ta’ €250 miljun li l-linja nazzjonali tal-ajru għamlet fl-aħħar ħames snin, issa hu importanti ħafna li l-Air Malta tibqa’ kemm possibbli taħt il-kontroll strateġiku tal-Maltin.

Huma biss il-Maltin li jistgħu jħarsu bl-aqwa mod l-interessi ta’ pajjiżna u l-industriji tagħna, sostniet l-MHRA, li qalet li kwalunkwe negozjati li jsiru għandu jkollhom din l-idea ċara fil-prinċipju.