Lokali

L-Air Malta għandha valur strateġiku u ekonomiku enormi – il-PN

Il-Partit Nazzjonalista jressaq qafas ta’ proposti fl-interess komuni dwar l-Air Malta
Konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Minister tal-Ekonomija Claudio Grech, mill-Kelliem tat-Turiżmu Antoine Borg, u mill-Kelliem tal-Amministrazzjoni Pubblika u l-Investimenti tal-Gvern Ċensu Galea

L-Air Malta għandha valur strateġiku u ekonomiku enormi għal pajjiżna u għalhekk għandna naħdmu biex, mhux biss tkun tista’ tilqa għall-isfidi li qed tiffaċċja, iżda biex tkompli tikber, timraħ, tespandi u tkun ażjenda li toffri impjiegi ta’ kwalità lill-ħaddiema tagħha. Il-Partit Nazzjonalista huwa kburi bil-funzjoni tal-Air Malta; huwa kburi bir-rwol prinċipali li kellha biex pajjiżna trasforma ruħu f’ekonomija moderna u miftuħa u huwa kburi bil-kontribut li l-ħaddiema tagħha dejjem taw.

Tħares minn fejn tħares lejha, l-Air Malta għandha valur kruċjali għall-futur tal-ekonomija ta’ pajjiżna, l-aktar minħabba li mingħajr Air Malta, il-konnettività ta’ pajjiżna tkun esposta għal riskji kbar.

Madwar sena ilu, l-Partit Nazzjonalista kien vara dan il-prinċipju ta’ konverġenza u ressaq ħames proposti ewlenin li, fuq livell strateġiku, kienu intiżi biex iservu ta’ pilastri li fuqhom l-Air Malta setgħet tkompli tevolvi l-operat tagħha wara li jasal fi tmiemu l-pjan ta’ ristrutturar li kien maqbul mal-Unjoni Ewropea fl-2012.

Għalkemm ir-riżultati finanzjarji għas-sena li għalqet f’Marzu 2016 għadhom mhux ippubblikati, jidher li t-telf tal-kumpanija niżel b’mod sostanzjali, indikazzjoni ċara li l-proċess ta’ ristrutturar kien pass fid-direzzjoni t-tajba. Il-Parti Nazzjonalista jirrikonoxxi wkoll il-ħidma li saret mit-tmexxija tal-kumpanija taħt id-diversi Chairpersons, Diretturi u Kapijiet Eżekuttivi biex issa l-kumpanija twasslet f’dan l-istadju.

F’April 2016, il-Gvern ħabbar li kien iffirma Memorandum of Understanding mal-kumpanija Taljana Alitalia sabiex jittrasferixi 49% tal-ishma fl-Air Malta fi sfond ta’ ftehim strateġiku bejn iż-żewġ ażjendi. Il-Partit Nazzjonalista rrispetta il-fatt li l-Gvern kien intrabat mal-Alitalia li jippubblika l-Memorandum of Understanding wara l-25 ta’ Mejju 2016 u għaldaqstant il-kummenti fil-pubbliku kienu limitati għal reazzjoni għall-istqarrija li għamel iċ-Chairman tal-Alitalia.

Qafas dwar il-futur tal-Air Malta
Issa li ġie ppubblikat il-Memorandum of Understanding, b’responsabbilità u fl-interess dejjiemi tal-Air Malta u tal-impjegati tagħha, il-Partit Nazzjonalista qiegħed iħabbar il-qafas tal-pożizzjoni dettaljata li qiegħed jipproponi dwar il-futur tal-Air Malta, liema qafas issa se jiġi diskuss f’aktar dettal tekniku u finanzjarju mal-imsieħba ewlenin, inkluż mal-Gvern.

Sieħeb strateġiku
1. Huwa pożittiv li l-Air Malta jkollha sieħeb strateġiku li jmur ‘il hinn minn sempliċiment arranġamenti ta’ code-sharing. Minbarra t-tisħiħ tar-rotot aċċessibbli għal-linja tal-ajru, jeżistu benefiċċji operazzjonali li permezz tagħhom tista’ tissaħħaħ l-effiċjenza tal-kumpanija, aċċess għal termini ta’ xiri aħjar, kif ukoll element akbar ta’ knowledge-sharing li jista’ jgħħin fit-tisħiħħ tat-tmexxija tal-Air Malta. Madankollu, din is-sħubija strateġika m’għandiex tkun neċessarjament fil-forma ta’ trasferiment ta’ ishma iżda tista’ wkoll tkun waħda li tiffoka fuq aspetti kummerċjali, tekniċi, sistemi ta’ airline rewards u tisħiħ tan-network tar-rotot. Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’sodisfazzjon l-istqarrija tal-Ministru tat-Turiżmu li l-Air Malta mhux se tinbidel f’feeder airline. Din l-istqarrija issa trid tiġi riflessa kemm fil-mudell kummerċjali kif ukoll fid-dritt tal-Bord li jżomm il-prerogattiva ta’ din il-materja.

Kapital u Ishma
2. Għaldaqstant, kull sħubija strateġika li ssir, preferibbilment, m’għandiex tirriżulta fi trasferiment tal-kontroll tal-ishma fil-linja tal-ajru (u konsegwentament jitnaqqar il-kontroll tad-direzzjoni u t-tmexxija tal-Air Malta). Dan m’għandux jeskludi investiment ta’ natura finanzjarja jew capital injections addizzjonali biex isaħħu l-bażi kapitali u finanzjarja tal-kumpanija. Din il-proposta m’hijiex motivata sempliċiment mix-xewqa li pajjiżna jkollu l-linja nazzjonali tiegħu, iżda hija aktar xprunata mill-bżonn kritiku tal-konnettività ta’ pajjiżna.

F’dan il-kuntest, il-Gvern – bħala l-azzjonist ewlieni – għandu jikkunsidra li jħajjar investiment mill-pubbliku u mill-istituzzjonijiet lokali permezz ta’ ħruġ ta’ ishma fuq il-Borża ta’ Malta, ibbażati fuq Prospett (hekk kif mitlub mill-Liġi) li jartikola kif il-kumpanija se tkompli tikber u ssaħħaħ l-operat tagħha. Minbarra li dan l-investiment huwa fiskalment attraenti għall-investituri Maltin, jgħin ukoll biex tkompli tissaħħaħ il-corporate governance tal-ażjenda. Jekk l-Air Malta issa riesqa biex tibda tiġġenera profit operazzjonali, żgur li s-suq lokali jagħraf l-opportunità li din tkompli tissaħħaħ u ssir entità li tiġġenera qliegħ għall-investituri. Il-Gvern għandu jikkunsidra din ir-rotta wkoll, aktar u aktar minħabba li jidher li dawk li qed jissejħu ‘past liabilities’ qed jinqatgħu ‘l barra mis-sħubija strateġika biex b’hekk il-valur tal-kumpanija jissaħħaħ ħafna aktar.

3. Flimkien mal-investiment mill-pubbliku, l-impjegati tal-Air Malta għandu jkollhom ukoll l-opportunità (fuq bażi preferenzjali) li jinvestu fl-ażjenda li jaħdmu għaliha. L-impjegati għandhom rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-kumpanija, mhux biss mill-lat ta’ kontroll tal-ispiża iżda wkoll mill-aspett tal-parteċipazzjoni tagħhom fit-tkabbir u t-tisħiħ tagħha u fuq kif huma jistgħu jibbenefikaw mit-titjib finanzjarju fir-riżultati tal-kumpanija. Għaldaqstant, minbarra li jingħataw preferenza fix-xiri tal-ishma, il-ħaddiema għandhom ukoll jingħataw l-opportunità li parti mill-investiment li jagħmlu jkun marbut ma’ tnaqqis fl-ispiża li huma jkunu lesti li jikkontribwixxu għaliha. Il-Gvern għandu jikkunsidra wkoll li din il-parteċipazzjoni tkun strutturata b’tali mod li tipprovdi inċentiv fiskali lil dawk il-ħaddiema li jieħdu sehem fiha.

Operat u Rilevanza tal-Air Malta

4. Għandu jsir sforz kollettiv biex il-kumpanija tkun dejjem aktar kompettittiva, fejn kulħadd irid jirrealizza li l-Air Malta topera f’suq li fih m’hemmx lok għall-ineffiċjenzi. Għal dan il-għan, il-miżuri li kienu ġew ikkontemplati fil-pjan ta’ ristrutturar għandhom jiġu kkonsolidati biex iħallu impatt permanenti fuq l-ispiża operazzjonali. B’hekk biss tista’ tiġi ssalvagwardjata s-sostennibbilità fit-tul tal-linja tal-ajru kif ukoll tal-impjiegi ta’ dawk kollha li llum jaħdmu mal-kumpanija. Madankollu l-kumpanija m’għandiex titneżża miċ-ċentri ta’ ħila u kompetenza tagħha għaliex ladarba dak iseħħ, ikun diffiċli jekk mhux impossibbli, li jitreġġgħu lura.

5. Il-ħaddiema tal-Air Malta m’għandhomx jiġu ttrattati bħala piż iżda bħala riżorsa li għandha tibqa’ trendi ekonomikament. Il-ħaddiema m’humiex għar-rimi u għaldaqstant għandhom jiġu addottati prattiċi innovattivi li mhux biss jipproteġu l-impjieg tal-ħaddiema iżda joffru aktar opportunitajiet biex ikunu jistgħu jtejbu d-dħul tagħhom. Dan huwa punt ewlieni li s-sħubija strateġika għandha tippromwovi, fejn minflok din tintuża bħala pretest għat-tnaqqis tal-ħaddiema, l-isħubija twassal għal aktar opportunitajiet li jżidu valur għall-Air Malta u għall-ħaddiema nfushom.

6. Taħt l-ebda ċirkostanza m’għandha l-Air Malta titlef jew iċċedi xi slots li llum għandha f’ajruporti ewlenin fin-network tar-rotot eżistenti. Dawn huma ass prinċipali li għandha l-kumpanija u kwalunkwe sħubija għandha tibni fuq dawn u mhux tnaqqarhom jew tissostitwixxihom b’miżuri oħrajn. Dawn is-slots huma pedament ewlieni li fuqu huwa mibni l-valur tal-Air Malta u għalhekk qatt m’għandu jkun kontemplat li dawn is-slots jitpartu ma’ aspetti kummerċjali oħrajn.

7. Fl-isfond tax-xejriet pożittivi li l-passiġġiera li jgħaddu mill-Ajruport Internazzzjonali ta’ Malta baqgħu jiżdiedu sena wara oħra f’dawn l-aħħar ħames snin, l-Air Malta għandha jkollha l-fakultà li tinvesti biex issaħħaħ il-flotta tagħha. Issa li għalaq il-programm ta’ ristrutturar, il-kumpanija għandha tisfrutta bl-aħjar mod possibbli t-tkabbir tat-traffiku tal-passiġġiera lejn u minn pajjiżna sabiex l-Air Malta jkollha flotta li tippermettilha toħloq opportunitajiet ġodda li permezz tagħhom tista’ żżid id-dħul għaliha.

Konverġenza flok Diverġenza
8. Il-proċess ta’ diskussjoni u medjazzjoni bejn il-Gvern, il-kumpanija u l-ħaddiema li qiegħed jitmexxa mill-President Emeritu Dr George Abela, għandu jingħata aktar spazju u rilevanza. Dan il-proċess huwa strumentali biex tinħoloq konverġenza permezz ta’ parteċipazzjoni aktar attiva tal-ħaddiema li idealment għandu jwassal għal ‘Patt Azjendali’ ġdid bejn l-azzjonisti (bil-Gvern jibqa’ l-azzjonist ewlieni), l-erba’ unions u l-ħaddiema. Dan kollu jista’ jwassal biex mhux biss il-kumpanija ssostni l-isforzi tagħha għal-vijabbiltà, iżda wkoll biex il-ħaddiema jkollhom inċentiv dejjem akbar biex huma stess jinvestu fil-kumpanija kif imsemmi f’Punt 3 aktar ‘il fuq.

Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed ikompli l-proċess ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba ewlenin f’din il-materja, prinċipalment mal-erba’ unions, mal-ħaddiema fl-Air Malta kif ukoll mas-soċjetà ċivili. Il-Partit Nazzjonalista huwa kommess li permezz ta’ politika matura jikkontribwixxi lejn soluzzjoni aħħarija għas-sitwazzjoni tal-Air Malta: soluzzjoni li tassigura li l-linja ta’ l-ajru nazzjonali tibqa’ waħda rilevanti fejn l-interessi tal-ħaddiema u tal-ekonomija b’mod ġenerali jkunu bilanċjati f’qafas wieħed maqbul bejn il-partijiet kollha.