Lokali Qorti

“L-Air Malta tinsab €66 miljun minn taħt. Jekk ma ssibx sieħeb strateġiku sa Ottubru, tista’ tfalli” l-Avukat tal-Air Malta

Waqt is-sottomissjonijiet quddiem il-Qorti preseduta mill-Imħallef Silvio Meli, l-Avukat Aaron Galea Cavallazzi, li qed jirrappreżenta lill-Air Malta, qal li l-linja nazzjonali tal-ajru tinsab minn taħt b’€66 miljun u fiċ-ċirkostanzi attwali, l-Air Malta hi vulnerabbli. Hu wissa li jekk ma jinstabx sieħeb strateġiku sa Ottubru, l-Air Malta tista’ tfalli.

L-Imħallef Meli wissa liż-żewġ naħat jekk is-sitwazzjoni teskala, din se jkollha konsegwenzi irriversibbli. “M’hemmx alternattiva oħra, inkella l-kumpanija tfalli”, qal l-Imħallef.

Il-kawża bejn l-Assoċjazzjoni tal-Piloti u l-Air Malta kienet differita għal ġimgħa fejn iż-żewġ naħat ġew mistiedna mill-Qorti sabiex jilħqu soluzzjoni.

L-Assoċjazzjoni tal-Piloti kkontestat mandat ta’ inibizzjoni kontra azzjonijiet industrijali futuri mill-piloti u qed tgħid li dan imur kontra d-drittijiet tal-membri tagħha.

Is-seduta kienet sospiża għal ftit minuti u l-partijiet infurmaw lill-Qorti li qablu li jerġgħu jiltaqgħu.

Intant qabel is-seduta tal-Qorti, il-bdoti tal-Air Malta imxew tul Triq ir-Repubblika iġorru numru ta’ banners b’messaġġi li l-ħaddiema m’għandhomx ibatu għall-iżbalji strateġiċi mill-management.

L-Avukati Aaron Galea Cavallazzi u Louis Degabriele dehru għall-Air Malta filwaqt li l-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo qed jidhru għall-ALPA.