Lokali

L-akkużi kontra s-Sirjan jikkontradixxu d-dikjarazzjonijiet ta’ Muscat

Id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Taljani li jressqu quddiem il-Qorti lil wiehed miż-żewġ Sirjani li kienu ġejjin Malta u takkużah b’terroriżmu, tikkontradixxi d-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru Joseph Muscat u tal-Gvern Malti, li ddikjaraw li s-Sirjan u sieħbu kienu ġejjin Malta biex jaħdmu.

Il-kontroversja dwar dawn is-Sirjani tqanqlet fil-kuntest tal-mewġa ta’ terroriżmu internazzjonali li qed tiffaċċja l-Ewropa bħalissa minn fundamentalisti Iżlamiċi. Kien propju fl-isfond tal-attakki terrorristiċi li seħħew fi Franza, li l-Pulizija Taljana arrestat liż-żewġ Sirjani b’Passaporti foloz li kienu ġejjin lejn Malta minn Bergamo.

Wara l-investigazzjonijiet mill-Pulizija Taljana, wieħed miż-żewġ Sirjani, Alali Faowaz, kien akkużat b’assoċjazzjoni mal-ISIS. Il-Qrati Taljani akkużawh ukoll li kien qed ifittex lin-nies biex jissieħbu fil-grupp terroristiku.

Wara tfittxija, instab li kien hemm ritratt ta’ Faowaz liebes uniformi tal-grupp terroristiku. Hu kien qed isostni li għandu r-ritratt għax kien Pulizija taħt l-ISIS. Madankollu, wara investigazzjoni, instab li fil-fatt din kienet uniformi ta’ ġellied tal-ISIS, tant li Faowaz kien midħla sew tal-grupp fil-belt kapitali tagħhom, Raqqa fis-Sirja.

Dawn id-dettalji jikkontradixxu d-dikjarazzjonijiet li kien għamel il-Prim Ministru Muscat u membri oħra tal-Gvern, li kienu ddikjaraw li s-Sirjani maqbuda l-Italja b’Passaporti foloz kienu ġejjin Malta biex ifittxu x-xogħol u biex jiksbu ażil, kif ukoll li ma kellhom l-ebda konnessjoni mat-terroriżmu.

Il-Gvern Malti kien iddikjara wkoll li, mill-analiżi li saret, ma jirriżultax li s-Sirjani kienu involuti jew kellhom assoċjazzjoni mat-terroriżmu. Il-Prim Ministru kien anke żvela dettalji biex jipprova jsostni l-pożizzjoni tiegħu meta qal li mhux minnu li fuq il-mobiles tas-Sirjani kien hemm bnadar tal-ISIS.

Skont Muscat, fil-mobiles kien hemm biss ritratt wieħed ta’ qarib ta’ wieħed mis-Sirjani, li kien ħa sehem fil-gwerra tas-Sirja u li kien qed iżomm arma.