Lokali

L-allegati ‘dehriet’ ta’ Borġ in-Nadur mhux minn Alla

Il-Knisja f’Malta kkonkludiet li l-allegat dehriet, messaġġi U fenomeni mistiċi li Anġelik Caruana jghid li jkollu fuq l-għolja ta’ Borġ in-Nadur f’Birżebbuġa mhux ġejjin minn Alla u għalhekk m’għandhomx oriġini sopranaturali.

Dan joħroġ wara stħarriġ li sar mill-Knisja u li matulu ġew ikkonsultati diversi esperti f’oqsma differenti tax-xjenzi naturali u soċjali, tat-teoloġija spiritwali u Marjana.

Ġew ikkunsidrati wkoll il-kriterji u n-normi tas-Santa Sede dwar allegati dehriet u kazi simili filwaqt li nstemgħu diversi xhieda, inkluż Anġelik Caruana nnifsu.

Fid-dawl tal-konkluzjoni tal-Knisja, l-Arċisqof Charles J. Scicluna jħeġġeġ lill-Komunità Nisranija biex tippromwovi devozzjoni vera lejn l-Ewkaristija, lejn Sidtna Marija u lejn il-Qaddisin, skont it-tagħlim uffiċjali tal-Knisja, u skont it-talb devozzjonali approvat mill-Knisja.

Is-saċerdoti, ir-reliġjużi rġiel u nisa, il-Katekisti u l-Insara kollha ġew ordnati biex ma jippromwovux, bl-ebda mod, id-dehriet, messaġġi u fenomeni mistiċi oħra allegati li jsehhu fl-Gholja ta’ Borg in-Nadur.