Internazzjonali

L-Ambaxxata Russa f’Damasku milquta mill-balal

Il-kumpless tal-ambaxxata Russa f’Damasku ntlaqat minn żewġ balal waqt li mijiet ta’ sostenituri tal-Gvern tal-President Sirjan Bashar al-Assad kienu qed jagħmlu dimostrazzjonijiet fil-belt kapitali biex jappoġġjaw l-attakki mill-ajru tar-Russi fuq miri speċifiċi fis-Sirja.

Ħadd ma miet fl-isplużjonijiet iżda r-rapporti miz-zona rreferew għal numru ta’ feruti. L-isplużjonijiet, fl-istess ħin, qajmu paniku kbir, u d-dħaħen baqgħu telgħin għal xi ħin minn ġol-kumpless. Dak il-ħin id-dimostranti kienu qed ixejru bnadar tar-Russja u ritratti tal-President Russu Vladimir Putin.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu Sergei Lavrov fisser l-inċident bħala attakk terroristiku li x’aktarx kellu l-iskop li jintimida lil min qed jikkumbatti t-terroriżmu. Dan meta r-Russja u l-awtoritajiet tas-Sirja qed jagħmlu minn kollox biex jidentifikaw in-nies jew ‘l-entità’ li setgħet sparat il-balal.

Din ma kinitx l-ewwel darba li l-Ambaxxata ntlaqtet waqt attakki minn qawwiet tar-ribelli fis-subborgi ta’ Damasku. Proprju x-xahar li għadda, l-awtoritajiet f’Moska kienu insistew għal azzjoni konkreta wara li missila laqtet l-istess kumpless tal-ambaxxata.