Internazzjonali

L-ARABJA SAWDIJA: Jaqta’ driegħ seftura li ppruvat taħrab

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Indja ressaq ilment lill-awtoritajiet Sawdi wara allegazzjonijiet ta’ attakk brutali fuq mara Indjana ta’ 58 sena, fl-inħawi ta’ Riyadh.
Qed ikun allegat li raġel Sawdi li kien jimpjega miegħu lil din il-mara bħala seftura spiċċa jaqtgħalha wieħed minn dirgħajha wara li ppruvat taħrab mid-dar.
Il-każ seħħ il-ġimgħa l-oħra u l-mara, identifikata bħala Kasturi Munirathinam, tinsab rikoverata l-isptar. Dan waqt li l-familja tagħha qed tallega li Kasturi kienet spiċċat ittorturata mill-familja Sawdi li kienet impjegata magħha.
L-awtoritajiet Sawdi għadhom ma kkummentawx fuq l-inċident, iżda l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Indjan Sushma Swaraj kitbet fuq Twitter li ħaġa bħal din mhix aċċettabbli u li l-Indja qed tiddiskuti l-każ mal-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija. Hu mifhum li l-Ambaxxata Indjana f’Riyadh tinsab f’kuntatt kontinwu mal-mara l-midruba.
Il-familja ta’ Munirathinam qalet li dawk li kienu qed jimpjegaw lil Kasturi rrabjaw wara hi lmentat dwar ‘il-persekuzzjoni’ li spiċċat tbati f’dik ir-residenza partikulari.