Aġġornata
“Attakk fuq l-istil ta’ ħajja tagħna” – Il-Kap tal-PN Simon Busuttil
Fi tweet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil esprima solidarjetà mal-poplu Franċiż wara l-attakk terroristiku f’Nizza f’Jum Bastille. Simon Busuttil żied li dan huwa attakk ieħor fuq il-mod kif ngħixu ħajjitna.
U fi stqarrija mis-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Trevor Degiorgio u mix-Shadow Minister tal-Affarijiet Barranin u Ewropej, il-Partit Nazzjonalista kkundanna l-aħħar minn sensiela ta’ attakki terroristiċi li seħħew matul il-lejl li għadda fil-belt ta’ Nizza fi Franza. Il-Partit Nazzjonalista qal li sfortunatament, dan mhux l-ewwel attakk imdemmi li huwa attakk mhux biss fuq il-Franċiżi, iżda fuq il-ħajja tagħna l-Ewropej.
Il-Partit Nazzjonalista esprima s-solidarjetà tiegħu u jwassal il-kondoljanzi tiegħu lill-poplu Franċiż, u lill-qraba tal-vittmi u dawk kollha li weġġgħu f’dan l-attakk.
Intant, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro kitbet lill-President Francois Hollande biex tesprimi s-solidarjetà tal-poplu Malti mal-Gvern u l-poplu Franċiż.
“Ninsab iddispjaċuta mmens għall-aħbar traġika tal-attakk orribbli f’Nizza” qalet il-President ta’ Malta, li esprimiet il-kondoljanzi lill-familji li tilfu lill-qraba tagħhom f’dan l-attakk terroristiku.
Stqarrijiet mill-iSpeaker u l-Prim Ministru
Intant, fi stqarrijiet separati, kemm l-iSpeaker Anġlu Farrugia kif ukoll il-Prim Ministru Joseph Muscat esprimew is-solidarjetà tagħhom mal-poplu Franċiż.
L-iSpeaker qal li esprima d-dieqa tiegħu u tal-Parlament Malti lill-President tas-Senat u lill-President tal-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Franċiż u talabhom iwasslu l-kondoljanzi tiegħu u tal-Parlament ta’ Malta lill-qraba tal-vittma.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat fi stqarrija qal li esprima s-solidarjetà tiegħu direttament lill-Gvern Franċiż waqt is-summit bejn l-Ewropa u l-Asja li għaddej bħalissa fil-Mongolja.
Joseph Muscat Muscat qal li l-valuri tal-libertà, ugwaljanza u fraternità li l-vittmi kienu qed jiċċelebraw meta nqatlu, għandhom jispirawna aktar minn qatt qabel.
Filwaqt li esprima d-dwejjaq tiegħu għal fatt li jidher li ħafna mill-vittmi kienu familji, fosthom tfal, il-Prim Ministru qal dawn l-atti fuq persuni innoċenti huma insensati u kundanabbli.
//= $special ?>