Futbol Sport

L-attakkant ta’ Juventus Simone Zaza f’Malta fis-sajf

Wara s-suċċess kbir tal-attività ta’ Fabrizio Ravanelli f’Malta, il-Juventus Club DOC Malta Cuore Bianconero tal-Imrieħel ħabbar opportunità oħra għall-membri tiegħu biex jiltaqgħu ma’ wieħed mill-plejers li jifformaw parti mit-tim preżenti.

Dan hekk kif l-attakkant Simone Zaza se jkun qed iżur Malta fis-sajf li ġej fuq stedina ta’ kumpanija li torganizza events privati, u waqt din iż-żjara saru arranġamenti sabiex Zaza jkollu ħin allokat biex jiltaqa’ mal-membri tal-klabb b’mod esklussiv.

Din l-attività se tkun miftuħa għall-membri tal-klabb u membri DOC għall-istaġun 2016/17 biss.

Fi stqarrija l-klabb qal li l-programm u d-dati taż-żjara ta’ Simone Zaza mistennija jitħabbru aktar ‘il quddiem hekk kif dawn jiddependu minn avvenimenti sportivi oħra. Dan hekk kif Zaza għandu ċans tajjeb li jkun wieħed mill-plejers magħżula mal-Italja għall-Euro 2016.