Internazzjonali

L-attakki f’Pariġi: Mandat ta’ arrest għal suspettat ġdid

Maġistrat fil-Belġju ħareġ mandat ta’ arrest validu għall-Ewropa u fuq livell internazzjonali fir-rigward ta’ suspettat ġdid li qed jissemma b’konnessjoni mal-attakki terroristiċi tat-13 ta’ Novembru f’Pariġi.

Is-suspettat issemma bħala Mohamed Abrini, ta’ 30 sena, u l-prosekuturi qalu li, jumejn qabel l-attakki f’Pariġi, dan ir-raġel deher qed isuq karozza fil-kumpannija ta’ Salah Abdeslam li hu suspettat ewlieni marbut mat-terroriżmu. Ingħad li ż-żewġ irġiel intlemħu fi stazzjon tal-petrol fit-triq ewlenija li twassal għall-kapitali Franċiża.

Il-karrozza inkwistjoni, tat-tip Renault Clio, jingħad li ntużat waqt l-attakki terroristiċi storiċi mit-terroristi tal-ISIS f’Pariġi. Bħalissa għaddejja kaċċa internazzjonali għal Salah Abdeslam li jaħsbu hu l-uniku wieħed li baqa’ ħaj fost dak il-grupp ta’ terroristi.