Qorti

L-Avukat Ġenerali ordnat iħallas €1 miljun f’kumpens lil werrieta

Il-Qorti ordnat lill-Avukat Ġenerali jħallas €1 miljun lill-werrieta ta’ propjetà fil-Belt Valletta għall-ksur tad-drittijiet tagħhom tal-bniedem meta l-propjetà li għaddiet lilhom b’wirt ġiet trasferita lill-Bank of Valletta mingħajr il-kunsens tagħhom.

Cristiane Ramsay Pergola u Mignon Marshall, werrieta tal-Markiż John Scicluna, fil-Qorti xehdu li fl-1958 il-Markiż kien kera l-propjetà fi Pjazza San Ġorġ lil Scicluna’s Bank għal għaxar snin. Dakinhar kienet intalbet il-kera ta’ Lm800 fis-sena.

Il-bank kien ġie amalgamat mal-Bank Nazzjonali ta’ Malta u l-propjetajiet li kienu jmissu miegħu ġew inkorporati mal-bini mikri. Fl-1973 kien twaqqaf Bank of Valletta u l-propjetà tal-Markiż Scicluna ġiet mgħoddija lill-bank.

Quddiem l-Imħallef Silvio Meli, il-werrieta saħqu li sid il-propjetà qatt ma ta l-kunsens tiegħu għat-trasferiment tal-propjetà lill-bank, qatt ma aċċettaw flus ta’ kera mill-bank, u li l-liġi li kienet tfasslet dakinhar neħħitilhom id-dritt li jerġgħu jidħlu fil-pussess ta’ ħwejjiġhom.

Il-werrieta qalu wkoll li ilhom b’kawżi l-Qorti sa mill-1989, bil-Qorti tal-Appell tiddeċiedi fl-2010 li l-kera tal-propjetà hi mħarsa mil-liġi. Iktar tard fetħu każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali fejn saħqu li d-dritt ta’ smigħ ġust fi żmien raġjonevoli kien ġie miksur u anke d-dritt tagħhom li jgawdu l-propjetà tagħhom. Il-protest kien infetaħ minn Vincent Curmi.

Kemm l-Avukat Ġenerali kif ukoll kelliema għall-Bank of Valletta kkontestaw l-allegazzjonijiet tal-werrieta, bil-bank jinsisti li ma jistax jinżamm responsabbli għall-ksur ta’ drittijiet tal-bniedem peress li ma ċaħħadx lill-werrieta milli jgawdu l-propjetà tagħhom.

Il-Qorti ddeċidiet li ħadd ma jista’ jiġi mċaħħad milli jgawdi l-propjetà tiegħu mingħajr kumpens xieraq u sostniet li ma kienx hemm dubju li l-werrieta ġew imċaħħda minn dan id-dritt, bl-espert tal-Qorti jikkonkludi li l-propjetà għandha valur ta’ kera ta’ €159,350 fis-sena u għalhekk li l-kera mħallsa, ta’ Lm800 offruta mill-bank lill-werrieta, hi negliġibli.

Il-Qorti enfasizzat il-ħtieġa tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, b’bilanċ bejn l-interessi tal-komunità b’mod sħiħa u tad-drittijiet tal-bniedem tas-sidien. Għalhekk il-Qorti ddeċidiet favur is-sidien tal-propjetà u waqt li ħelset lill-bank mill-ksur tad-drittijiet tagħhom, iddikjarat li d-dritt tat-tgawdija tal-propjetà mis-sidien kien inkiser.