Lokali

L-Awditur Ġenerali u l-PAC se jinvestigaw allegat miżapproprjazzjoni ta’ flus minn Ian Borg

The Malta Independent on Sunday żvelat li l-Awditur Ġenerali u l-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi se jkunu qed jinvestigaw lis-Segretarju Parlamentari tal-fondi Ewropej Ian Borg għal allegat miżapproprjazzjoni ta’ flus fiż-żmien meta kien Sindku ta’ Ħad Dingli.

Il-każ hu dwar iċ-ċentru ta’ interpretazzjoni fuq l-irdum ta’ Ħad Dingli, hekk kif qed iqumu mistoqsijiet serji dwar kif dan iċ-ċentru – wara li ħareġ il-permess għalih biex ikun ċentru ta’ interpretazzjoni – llum sar restaurant kbir li fih isir kummerċ qawwi. The Malta Independent tgħid li l-permessi jiprojbixxu milli jkun hemm faċilitajiet ta’ catering fil-post.

L-investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali mistennija tkun lesta sal-aħħar ta’ din is-sena, biex imbagħad ir-rapport jgħaddi quddiem il-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi li jkompli bl-investigazzjoni tiegħu fuq livell ta’ Parlament.

Il-fatti dwar dan il-każ iqajmu dubji kbar, anke minħabba l-involviment dirett ta’ Ian Borg – bħala Sindku – f’dan il-proċess. Fil-fatt, il-permess tal-MEPA għal dan iċ-ċentru – li gawda minn fondi tal-Unjoni Ewropea – nħareġ f’isem Ian Borg. Fost il-mistoqsijiet kbar li hemm dwar dan iċ-ċentru huwa l-fatt li l-proprjetà – li hi stmata li tiswa’ mal-miljun ewro, qed tinkera lill-Kunsill Lokali ta’ Ħad Dingli għas-somma ta’ €230 fis-sena.