Edukazzjoni Lokali

L-ELSA tippreżenta dokument dwar is-Surrogacy

L-Organizazzjoni tal-Istudenti Ewropej tal-Liġi fi ħdan l-Università ta’ Malta (ELSA) ippreżentat dokument dwar il-Liġi tas-Surrogacy. Id-dokument kien ippreżentat lill-Ministru għal-Libertajiet Ċivili u d-Djalogu Soċjali Helena Dalli.

Surrogacy hu proċess mediku li permezz tiegħu, mara tkun tista’ ġġorr tarbija f’ġufha għalkemm it-tarbija tkun ta’ xi ħaddieħor. Id-dokument tal-ELSA, bl-isem “Onto Regulating Surrogacy”, għandu l-għan li jiġbor kemm jista’ jkun informazzjoni dwar Surrogacy minn madwar id-dinja u jpoġġihom f’kuntest lokali.

Dan ifisser li l-informazzjoni li tinġabar titpoġġa fil-perspettiva tal-morali, il-valuri u l-kultura ta’ pajjiżna. L-ELSA enfasizzat li meta tkun qed issir xi forma ta’ regola dwar Surrogacy, b’xi mod tkun qed tinħoloq possibbiltà biex Surrogacy tkun tista’ ssir f’pajjiżna.

Għalhekk, enfasizzat l-organizzazzjoni studenteska, il-proċess ta’ Surrogacy m’għandu bl-ebda mod jieħu post il-metodu naturali li permezz tiegħu jitwieldu t-trabi. Fid-dokument, l-ELSA sostniet li tifhem li dan hu suġġett sensittiv immens u anke kontroversjali, tant li tispera li ssir leġiżlazzjoni bir-reqqa u kif suppost.