Edukazzjoni Lokali

L-Għalliema mitluba mill-MUT ma jħallsux spejjeż relatati ma’ tiswijiet tal-laptops

Il-Union tal-Ghalliema (MUT) ħarġet direttiva biex il-membri tagħha ma jħallsux spejjeż relatati ma’ tiswijiet tal-laptops li l-Gvern ipprovda lill-Għalliema. Għalhekk, l-MUT qed tgħaddi l-kontijiet lill-Ministeru tal-Edukazzjoni, taħt ir-responsabbiltà ta’ Evarist Bartolo.

L-MUT qed issostni li hu inaċċettabbli li m’hemmx assikurazzjoni u għalhekk kitbet lill-Ministeru, fejn spjegat li ma tistax tifhem kif il-Ministeru m’għadux japplika l-prassi li kien hemm fil-passat. Fi stqarrija, l-MUT qalet li jekk il-Gvern ma jipprovdix l-assikurazzjoni fuq il-laptops li tqassmu l-aħħar, se jkun hemm Għalliema li mhux se jkunu jistgħu jużawhom bħala għodda addizzjonali għat-tagħlim tagħhom.

L-Union tal-Għalliema qed issostni wkoll li hu inġust li meta tirriżulta ħasara f’xi laptop, il-Ministeru joqgħod fuq il-verżjoni li jtih il-kuntrattur mingħajr ma jisma’ l-verżjoni tal-Għalliema.