Lokali

L-Għaqda Żminijietna ssostni li l-Gvern għandu jindirizza l-Inugwaljanzi Soċjali

Żminijietna – Leħen ix-Xellug appellat lill-Gvern biex jdaħħal numru ta’ miżuri biex jnaqqas l-inugwaljanzi soċjali u jżomm il-bogħod mill-politika neoliberali li hi l-kaġun għaż-żieda fl-inugwaljanza.

Żminijietna qalet li “statistiċi uffiċjali juru li l-ekonomika f’Malta qed tesperjenza titjib, imma magħha qed jikber ukoll in-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar. Titjieb fl-andament ekonomiku mhux bilfors jissarraf f’aktar ugwaljanza soċjali”.

“Għalhekk, nappellaw il-Gvern biex jdaħħal aktar miżuri biex jindirizzaw il-faqar, l-inugwaljanza u l-prekarjetà. Dawn jinkludu żieda fil-paga minima nazzjonali; liġi progressiva kontra x-xogħol prekarju; u tisħiħ fil-benefiċċji soċjali biex dawn jirriflettu l-ispiża kurrenti ta’ l-għoli tal-ħajja”.

“Nappoġġjaw politika li tinkoraġixxi persuna biex issib impjieg, imma din m’għandiex tkun askapitu tal-benefiċċji soċjali universali, li ħafna mid-drabi jipproteġu persuna milli taqa’ fil-faqar”.

“Il-Gvern għandu jkompli jinvesti f’aktar miżuri progressivi, fosthom f’aktar servizzi ta’ childcare centres universali – li għandhom wkoll jkunu aċċessibli b’xejn lill-ġenituri li mhumiex f’impjieg; aktar servizzi edukattivi għat-tfal wara u qabel il-ħin tal-iskola; żieda fil-programmi ta’ taħriġ biex persuna tkompli titgħallem u aktar servizzi edukattivi universali”.

“Fir-rigward ta’ politika fiskali, nappellaw il-Gvern biex jdaħħal miżuri radikali, fosthom taxxa fuq propjetà vojta (mit-tielet propjetà), u miżuri fiskali ibbażati fuq il-prinċipju ta’ min iniġġeż iħallas. Wkoll, nistennew li l-Gvern jħabbar miżuri li jiżguraw li kull pensjonant jkollu minimu ta’ dħul diċenti”.

“F’dik li hi saħħa, Żminijietna tħeġġeġ il-Gvern biex jżied l-investiment; biex jtejjeb il-kura primarja; żieda fin-numru ta’ ħaddiema u fis-servizzi provduti fil-komunita, fl-isptarijiet u kliniċi”.