Lokali

L-HSBC f’Malta jħabbar skema volontarja ta’ rtirar u redundancy

L-HSBC Bank Malta ħabbar programm ta’ rtirar volontarju u redundancy għall-impjegati.

Il-bank fi stqarrija qal li hu impenjat li jinvesti ammont sinifikanti biex jiżgura li jkun hemm termini tajbin u ġusti għal dawk l-impjegati li jixtiequ japplikaw għal dan il-programm.

“Meta nnaqqsu l-ispejjeż inkunu qed nagħmlu lil HSBC Malta aktar profittabbli, u dan jippermettilna li nkomplu ninvestu biex naqdu lill-klijenti tagħna,” qal Andrew Beane, Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Bank Malta.

Minkejja li l-ambjent li qed jopera fih il-Bank hu wieħed ta’ sfida, l-HSBC Malta qal li hu fiduċjuż fil-kapaċità tiegħu li jkabbar in-negozju tiegħu f’Malta u b’hekk jappoġġja wkoll l-ekonomija Maltija.

Il-prijoritajiet ta’ HSBC Bank Malta jibqgħu dawk li jtejjeb is-servizz li joffri lill-klijenti, jimmaniġġja l-ispejjeż, u li jopera skont l-ogħla livelli globali ta’ osservanza.