Ambjent Lokali Unjoni Ewropea

L-id il-leminija ma tafx x’inhi tagħmel l-id ix-xellugija

Il-Partit Laburista, tant kemm tilef kull kredibilita’ fis-settur ambjentali li fid-dagħdigħa li għandu, spiċċa jattakka lill-Ministri tal-Gvern Laburista stess li approvaw l-istess rapport li sar vot fuqu fil-Parlament Ewropew.

Dan sostnewh l-Ewroparlamentari tal-PN David Casa, Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia li qalu li l-Partit Laburista ħareġ jattakka lill-MEPs tal-Partit​ Nazzjonalista, bit-tir li jiprova jiskorja xi punti politiċi, għaliex l-MEPs Nazzjonalisti vvutaw biex fl-immedjat, jitnaqqsu l-emmissjonijiet minn karozzi b’magna diesel, filwaqt li l-MEPs tal-Partit Laburista vvutaw biex kollox jibqa’ kif inhu, jiġifieri l-istatus quo.

Dan hekk kif fi stqarrija, il-PL qal li l-Membri Parlamentari Ewropej tal-PN ivvutaw favur mozzjoni fil-Parlament Ewropew li jħallu kumpaniji tal-manifattura tal-karozzi li jipproduċu karozzi li jeċċedu l-limitu tat-tniġġiż fl-arja.

Il-Partit Laburista, ma qalx li l-pożizzjoni tal-MEPs Nazzjonalisti kienet eżatt l-istess bħall-pożizzjoni li ħadu l-Ministri tal-Gvern Laburista fil-livell ta’ Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Jekk hemm xi ħadd iżolat fil-pożizzjoni li ħa huma l-MEPs tal-Partit Laburista li ħadu pożizzjoni differenti minn dik tal-Gvern Malti.

Tassew każ fejn l-id il-leminija lanqas taf x’inhi tagħmel l-id ix-xellugija. Mhux ta’ b’xejn li l-poplu Malti u Għawdxi qed jitlef il-fiduċja fil-Partit Laburista mmexxi minn Joseph Muscat ma’ kull ġurnata li tgħadd, sostnew l-MEPS Nazzjonalisti.