Ambjent Lokali

L-impenn tal-Partit Nazzjonalista hu li l-ODZ jibqa’ ODZ

Il-Partit Nazzjonalista rrefera għal stqarrija maħruġa aktar kmieni mill-Front Ħarsien ODZ, li fiha ntalbet kjarifika mill-Partit Nazzjonalista dwar l-użu ta’ art ODZ, fejn sostna li hu proprju dak li l-Partit qed jagħmel bħalissa fil-proċess li jaġġorna l-politika ambjentali tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista sostna li Kap tal-Partit Simon Busuttil dejjem kien ċar fi kliemu meta ddikjara li m’għandux isir aktar bini barra miż-żona tal-iżvilupp u l-każi eċċezzjonali fejn dan ikun jista’ jsir, bħal fil-każ tal-agrikoltura, għandhom ikunu magħrufa b’mod ċar u trasparenti minn kulħadd.

Hu proprju dan li qed jagħmel bħalissa l-Partit Nazzjonalista fil-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika li nbeda mill-Konvenzjoni Ġenerali “IdeaAmbjent”. Dan il-proċess se jwassal biex, fost l-oħrajn, jiġu identifikati dawn l-eċċezzjonijiet, sostna l-Partit Nazzjonalista fl-istqarrija.

Il-Partit Nazzjonalista kompla li mhux se jwiegħed roadmap li ma tasal qatt, iżda se jkun ċar u trasparenti biex kulħadd ikun jaf fejn qiegħed mal-Partit Nazzjonalista minn żmien sew qabel l-elezzjoni. F’dan is-sens, laqa’ l-proposti mill-Front Ħarsien ODZ u ta’ kulmin irid jgħid tiegħu fil-proċess ta’ konsultazzjoni.

Fl-istqarrija tiegħu, Front Harsien ODZ qal li jistenna lill-partiti politiċi jkunu ċari, onesti u konsistenti, filwaqt li se jżomm lil kull partit responsabbli sal-elezzjoni ġenerali. Il-Front qal li l-politika dwar l -ODZ u r-retorika m’għandhomx jintużaw biex jiġġustifikaw żvilupp fl-ODZ, iżda biex jipproteġu l-art barra mill-iżvilupp għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.