Ekonomija Lokali

L-imsieħba soċjali b’aktar pressjoni biex il-Gvern iraħħas il-prezzijiet tal-enerġija

Quddiem is-sitwazzjoni tar-roħs drastiku fil-prezzijiet internazzjonali taż-żejt, l-imsieħba soċjali qed ikomplu jżidu l-pressjoni fuq il-Gvern biex iraħħas il-prezzijiet tal-enerġija u tal-fuels ħalli l-benefiċċju jieħduh il-konsumatur u n-negozji.

NETnews.com.mt dalgħodu tkallem ma’ diversi rappreżentanti tal-imsieħba soċjali qabel daħlu għal-laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD). Fil-kummenti tagħhom, l-imsieħba soċjali sostnew l-opinjoni li r-roħs internazzjonali għandu jmur għand il-konsumatur u mhux jibqa’ jżommu l-Gvern.

Minbarra dwar il-kwistjoni tal-prezzijiet internazzjonali taż-żejt, huma kkummentaw ukoll dwar il-mod kif qed jopera l-MCESD, fejn ikkritikaw il-fatt li matul din il-leġiżlatura, l-MCESD qed jiltaqa’ fil-Ministeru ta’ Helena Dalli minflok f’post newtrali kif kien isir fil-passat. Mistoqsi dwar dan, iċ-Chairman tal-MCESD John Bencini qal li dan qed isir minħabba problemi finanzjarji.

L-MCESD jingħalaq għall-media
Għal-laqgħa tal-lum, il-ġurnalisti ma tħallewx jidħlu jirrapportaw l-ewwel parti tal-laqgħa kif kien isir issoltu. Kien iċ-Chairman tal-MCESD innifsu li avża lill-ġurnalisti li l-imsieħba soċjali kienu oġġezzjonaw għall-preżenza tagħhom minħabba li fl-aħħar laqgħa kien sar rapportaġġ skorrett minn waħda mill-kmamar tal-aħbarijiet.

Ir-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali li tkellmu ma’ NETnews spjegaw li r-raġuni veru wara l-pożizzjoni tagħhom kienet li huma kienu qed joġġezzjonaw li l-media tkun preżenti għall-parti fejn jitkellem biss il-Ministru għax dan kien qed iwassal biex ir-reazzjoni tagħhom bħala imsieħba soċjali ma kinitx qed tiġi rrappurtata.

Il-pożizzjoni tal-imsieħba soċjali hi li huma jkunu lesti joħorġu dokument konġunt jekk ikun hemm qbil wara laqgħa tal-MCESD, inkella jitkellmu mal-media fi tmiem il-laqgħa biex fil-media jkun hemm spjega korretta u kompluta ta’ dak li jkun seħħ fil-laqgħa tal-MCESD minflok il-verżjoni tal-Gvern biss.