Internazzjonali

L-Indja: Imfakkar l-anniversarju mit-twelid ta’ Madre Teresa

 

Sorijiet Indjani tal-Ordni Kattolika tal-Missjunarji tal-Karità, illum, f’Kalkutta, iċċelebraw dak li kellu jkun għeluq snin Madre Teresa, li tibqa’ mfakkra għall-opri ta’ fejda li wettqet u li kienet waqqfet l-istess ordni li hi magħrufa madwar id-dinja.

Madre Teresa, li kieku baqgħet ħajja, kienet tagħlaq il-106 sena tagħha. Intant,  f’Kalkutta saret quddiesa speċjali għall-memorja tagħha, fost programm ta’ attivitajiet li jitqies bħala preludju għall-kanonizzazzjoni tas-soru li ssir fl-4 ta’ Settembru.

Madre Teresa, li twieldet fl-1928 fi Skopje, fil-Maċedonja, mietet f’Settembru tal-1997, ġranet biss wara li hi għalqet is-86 sena u ftit xhur biss wara li hi kienet warrbet mit-tmexxija tal-Ordni Missjunarja.

Intant, fiċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Kalkutta saru sessjonijiet tat-talb, bis-sorijiet tal-Ordni jixegħlu x-xemgħat quddiem il-qabar ta’ Madre Teresa f’Mother House – il-kwartieri ġenerali tal-Missjunarji tal-Karità. Hawnhekk is-sorijiet u persuni eminenti kantaw l-innijiet, qraw mill-Bibbja u rrakkuntaw avvenimenti importanti mill-ħajja ta’ Madre Teresa.