Internazzjonali

L-Indja: Maqtula u mbiċċra fuq dejn ekwivalenti għal ‘ċenteżmi’

Raġel u martu, membri tal-komunità tad-Dalit, sofrew mewta għall-għarrieda u mill-aktar kiefra, fl-Indja, wara tilwima dwar dejn ekwivalenti għal sempliċi 16-il ċenteżmu.

Il-każ xokkanti, fejn ir-raġel spiċċa b’rasu maqtugħa u b’martu tisfa’ mbiċċra, seħħ fid-distrett ta’ Mainpuri, fl-Istat ta’ Uttar Pradesh, f’ħin meta l-koppja kienu fi triqthom għax-xogħol.

Il-membri tal-komunità tad-Dalit jitqiesu bħala l-inqas livell tas-soċjetà fl-Indja u rapporti qalu li l-omiċidju doppju twettaq minn sid ta’ ħanut tal-merċa, ‘li ġej minn livell tas-soċjetà ogħla’. L-inċident kien dovut għal tilwima wara li r-raġel u l-mara infurmaw lis-sid tal-ħanut li ‘kienu jeħtieġu ftit taż-żmien biex iħallsuh għal xi pakketti tal-biskuttini li xtraw mingħandu’.

Il-pulizija, fil-preżent, qed iżżomm lis-sid tal-ħanut taħt arrest, bl-investigazzjonijiet qed ikomplu.

Jingħad li s-sid tal-ħanut waqqaf lill-koppja u insista li huma jħallsuh għal tliet pakketti tal-biskuttini li kienu xtraw għal uliedhom xi jiem qabel. Intant, ir-raġel u l-mara wieġbu li huma kellhom iħallsuh ‘ladarba jirċievu s-salarju ta’ filgħaxija’, u komplew mexjin lil hinn.

Is-sid imbagħad daħal fid-dar tiegħu fil-viċinanzi u ħareġ b’mannara fejn aggredixxa lir-raġel u qatlu fuq il-post. Il-mara tal-vittma wkoll spiċċat attakkata u mbiċċra meta hi ppruvat tiddefendi lil żewġha.

Wara li ġriet il-kelma dwar ir-reat, il-membri tal-komunità tad-Dalit lokali imblukkaw it-toroq u organizzaw sensiela ta’ protesti fl-inħawi.