Lokali Saħħa

L-infermiera kostretti jagħmlu azzjoni industrijali fl-Emerġenza ta’ Mater Dei; il-PN jgħid li l-Gvern għandu prioritajiet ħżiena

Aġġornata bi stqarrija tal-Partit Nazzjonalista

Senior nurses li jaħdmu fid-dipartiment tal-emerġenza f’Mater Dei ma kellhom ebda għażla oħra ħlief li jirrikorru għall-fuq azzjoni industrijali, fejn mhux jagħmlu xogħol ta’ triage, li hu l-proċess li fih, senior nurses jikklassifikaw l-urġenza tal-każ. Il-pazjenti imbgħad jingħataw it-trattament skont l-urġenza tal-każ.

Jirriżulta li nuqqas ta’ infermieri fl-emerġenza wassal biex il-Union tal-Infermieri u l-Qwiebel (MUMN) ordnat li minn dalgħodu, ma jingħatax dan is-servizz fid-dipartiment tal-Emerġenza. Minflok, dan il-proċess qed isir minn senior nurses oħra li jaħdmu f’dipartimenti oħra tal-isptar, assistiti minn junior nurses fid-dipartiment tal-emerġenza.

NETnews.com.mt jinsab infurmat ukoll li l-infermieri għażlu l-aktar azzjoni industrijali responsabbli, peress li setgħu jagħżlu li ma jirrispondux telefonati tal-112 jew inkella li ma jassistux lill-ambulanzi. Filfatt, skont l-MUMN, l-azzjoni industrijali qed issir “sabiex l-infermieri jkunu f’pożizzjoni aħjar li jagħtu l-kura u l-attenzjoni neċessarja lill-pazjenti preżenti fid-dipartiment”.

L-azzjoni industrijali bdiet fis-7 ta’ dalgħodu u NETnews.com.mt jinsab infurmat li għadha għaddejja.

Jirriżulta li m’hemmx biżżejjed senior nurses f’kull shift tad-dipartiment tal-emerġenza bil-konsegwenza li n-nurses qed isofru minn stress addizzjonali, b’senior nurses li qed jaħdmu bil-lejl u bi nhar u bi prattiċi mhux xierqa. Dan fost sensiela ta’ ilmenti oħra li l-MUMN qed tagħmel mal-management tal-isptar Mater Dei.

Il-prioritajiet ħżiena tal-Gvern ta’ Muscat qed iħallu impatt fuq il-kura tal-pazjenti Maltin u Għawdxin

Dan wassal biex il-Partit Nazzjonalista qal fi stqarrija permezz tax-Shadow Minister tas-Saħħa Claudette Buttigieg li l-azzjonijiet industrijali fl-emerġenza ta’ Mater Dei jikkonfermaw kemm il-Gvern, flok iffukat kif se jsaħħaħ is-servizz tas-saħħa, iffukat biss fuq il-prioritajiet ħżiena – fosthom fuq il-klikka żgħira ta’ Kastilja u kif din se ssir miljunarja u kif se jitpoġġew il-miljuni f’kumpaniji sigrieti l-Panama, miljuni li ġejjin mill-commissions.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern għandu jpoġġi l-prioritajiet f’posthom u jieqaf jinjora l-problemi li hemm f’Mater Dei. Min ma jirrikonoxxix il-problema, mhux kapaċi jsolviha, temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.