Internazzjonali

L-Ingliżi jridu li “daqqiet ta’ ħarta” minn ġenituri fuq tfal isiru llegali

Il-Kummissarji tat-Tfal fir-Renju Unit u l-Irlanda ta’ Fuq għamlu 114-il rakkomandazzjoni lin-Nazzjonijiet Uniti sabiex jipproteġu dejjem aktar id-drittijiet tat-tfal. Fost dawn ir-rakkomandazzjonijiet, qed issir pressjoni sabiex daqqiet ta’ ħarta fuq tfal ikunu illegali.

Ir-rakkomandazzjonijiet qed jiġu preżentati din il-ġimgħa lill-Gvern Ingliż minn uffiċjali tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-laqgħat, li jkomplu illum, qed isiru f’Ġinevra.

Ir-rapport tan-Nazzjonijiet Uniti jissuġerixxi li l-Ingliżi għandhom jgħaddu liġi sabiex ikun illegali li wieħed jikkastiga lit-tfal fid-djar privati b’daqqa ta’ ħarta.

Rakkomandazzjoni oħra hi li l-eta’ tal-vot tinżel għal 16-il sena – xi ħaġa li l-Gvern Ingliż qed jopponi.

Apparti minn hekk, tqajjmu ukoll punti dwar tfal li jsofru minn problemi ta’ saħħa mentali. Il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti qed jgħid illi l-istat tas-servizzi għal dawn it-tfal fl-Ingilterra huwa “allarmanti”.