Lokali

L-interess ta’ pajjiżna hu li Malta tkun f’Unjoni Ewropea magħquda u b’saħħitha

Fl-intervent tiegħu waqt is-Summit tal-Partit Popolari Ewropew illum fi Brussell, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil enfażizza l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista fid-dawl tal-vot tal-poplu Brittaniku biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea, jiġifieri li l-interess ta’ Malta hu li tkun f’Unjoni Ewropea magħquda u b’saħħitha.

Filwaqt li esprima d-diżappunt tiegħu għar-riżultat tar-referendum ta’ nhar il-Ħamis li għadda, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista wassal il-messaġġ li r-riżultat m’huwiex biss ir-riżultat tal-populiżmu u kampanji negattivi fir-Renju Unit, iżda wkoll għal fallimenti, f’ċertu setturi, tal-Unjoni Ewropea. “Issa hu l-mument li l-Unjoni Ewropea taħseb u ma tirreaġixxix bl-għaġla għaliex tirriskja li tiżbalja f’mument delikat,” qal Simon Busuttil.

Simon Busuttil sostna li issa, aktar minn qatt qabel, għandu jkun ċar li min ivvota biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea ma jistax jibqa’ jgawdi l-benefiċċji li ġġib magħha sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea. “Hu importanti li jintbagħat il-messaġġ ċar li min mhux membru tal-Unjoni Ewropea ma jistax jitqies fl-istess livelli ma’ min hu membru sħiħ tal-Unjoni,” enfażizza Simon Busuttil.

Simon Busuttil qal li minkejja li l-Partit Nazzjonalista jinsab fl-Oppożizzjoni, diġà estenda l-id tal-koperazzjoni mal-Gvern Malti biex joffri l-esperjenza u l-kredibilità tiegħu fin-negozjati li l-Gvern Malti se jkun qed jagħmel mal-Unjoni Ewropea fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

Għas-Summit tal-Partit Popolari Ewropew, minbarra l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, attendew fost l-oħrajn il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker, l-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel, il-Prim Ministru elett ta’ Spanja Mariano Rajoy, kif ukoll il-President tal-Partit Popolari Ewropew Joseph Daul.