Internazzjonali

L-IRAQ: Imutu f’Bagdad waqt attakk suwiċida mill-ISIS

It-terroristi tal-ISIS ħadu responsabbiltà għal splużjoni li wettaq aggressur suwiċida fl-inħawi ta’ checkpoint tas-sigurtà f’Bagdad. Fl-aħħar ħinijiet kien hemm ‘il fuq minn 20 mejtin ikkonfermati, fost għexieren ta’ midruba.

L-attakk kien dirett għal zona fid-daħla għad-distrett ta’ Kadhimiyah, lejn il-majjistral ta’ Bagdad, fejn il-maġġoranza tar-residenti huma Musulmani Xiti.
Kelliema qrib l-aġenzija tal-aħbarijiet Amaq, li għandha l-konnessjonijiet mal-ISIS, qalu li t-terroristi ‘immiraw l-attakk għal suldati li kienu f’dik iz-zona partikulari’.

Ingħad ukoll li l-aggressur responsabbli ‘kien miexi waħdu’ meta tajjar il-bomba li serqet il-ħajja tal-membri tas-sigurtà kif ukoll ta’ diversi ċivili.Il-qawwiet tas-sigurtà Iraqqin aktar tard iċċirkondaw iz-zona u żiedu l-ispezzjonijiet fil-kapitali.