Internazzjonali

L-IRAQ: Partitarji ta’ Real Madrid maqtula ‘għaliex l-ISIS jobgħodu l-futbol’

Terroristi tal-ISIS fit-Tramuntana tal-Iraq immassakraw almenu 14 il-persuna li kienu ġo kafeterija li sservi bħala supporters club ta’ Real Madrid.

F’dan l-attakk, li seħħ fil-belt ta’ Balad, fejn il-maġġoranza tar-residenti huma Musulmani Xiti, l-aggressuri daħlu fl-istabbiliment u fetħu n-nar bil-machine-guns fuq għexieren ta’ partitarji li nzertaw quddiemhom. Ritratti tal-istraġi li qed jiċċirkolaw juru xeni ta’ tkissir, ħġieġ imfarrak u dmija mal-art fost ritratti u posters (fuq il-ħajt) tal-plejers u l-manager ta’ Real, Zinedine Zidane.

Il-President tas-supporters club ta’ Real f’Balad, Zian Subhan, qal li l-‘ISIS ma ħafruha lil ħadd’ meta daħlu jisparaw fil-kafeterija. Meta staqsewh l-iskop wara l-attakk, Subhan tenna li ‘huma (l-ISIS) jobgħodu l-futbol għaliex jaħsbu li hu attività anti-Musulman’. Hu qal li t-twemmin partikolari ‘hu biżżejjed għall-ISIS’ biex iwettqu attakki bħal ta’ Balad.

L-attakk fis-supporters club ħalla wkoll numru sostanzjali ta’ midruba, fost rapporti li l-pulizija u r-residenti ta’ Balad ġrew wara l-aggressuri meta dawn ħarbu mis-supporters club. Ingħad ukoll li talanqas erba’ mill-armati tal-ISIS mietu fi sparatura wara li huma spiċċaw ‘b’darhom mal-ħajt’ ġo bini diżabitat.

L-ISIS ħareġ stqarrija, fejn qal li l-attakk inkwistjoni hu l-aħħar f’kampanja biex tonora lil Abdel Rahman Mustafa al-Qaduli, it-tieni l-akbar kmandant tat-terroristi li kien spiċċa maqtul f’Marzu waqt attakk mill-qawwiet tal-ajru tal-koalizzjoni anti-ISIS fis-Sirja.