Internazzjonali

L-Iraq: Periklu kbir għal ċivili f’Falluja

In-Nazzjonijiet Uniti hi mħassba ferm dwar id-destin ta’ xi 50,000 ċivili li għadhom fil-belt ta’ Falluja, fl-Iraq. Dan meta l-qawwiet Iraqqin għaddejjin bil-battalji kontra l-ISIS li qed jokkupaw diversi bnadi tal-pajjiż.

Il-kelliem tan-NU, Stephane Dujarric, qal li ċ-ċivili inkwistjoni ‘qegħdin jissugraw bil-kbir’ u talab għal rotot tas-sigurtà li jippermettulhom jitilqu mill-inħawi ta’ Falluja.

Numru ta’ suldati, pulizija u milizji, fil-bidu tal-ġimgħa bdew offensiva biex jieħdu lura l-kontroll ta’ Falluja, li tinsab lejn il-Punent ta’ Bagdad. Din il-belt hi l-aktar waħda (fl-Iraq u daqstant ieħor fis-Sirja) li ilha kkontrollata mit-terroristi tal-ISIS li kienu daħlu fl-inħawi fil-bidu tal-2014. Sitt xhur wara, l-ISIS kienu taw numru ta’ disfatti lill-Armata tal-Iraq u ħatfu l-kontroll ta’ ħafna territorji lejn it-Tramuntana u l-Punent tal-pajjiż.

Għalkemm l-offensiva tal-qawwiet Iraqqin li jridu jieħdu lura Falluja ilha għaddejja mit-Tnejn, hu minnu li l-militar tal-Gvern Iraqi ilu x-xhur jassedja din il-belt u s-subborgi tagħha. Fil-preżent hu kkalkulat li xi 10,000 familja residenti f’Falluja qed jiffaċċjaw nuqqas akut ta’ ikel, mediċina u oġġetti oħrajn essenzjali, u hemm il-biża’ dwar ‘katastrofi umana potenzjali’.